Fl-aħħar jiem smajna għadd ta’ dikjarazzjonijiet minn diversi esponenti fosthom dwar il-bżonn li l-Maltin ikollhom aktar tfal u dan minħabba li l-popolazzjoni ta’ Maltin qiegħda dejjem tixjieħ. Iż-żminijiet jinbidlu u magħhom jinbidlu dikjarazzjonijiet marbutin mal-familja jew id-daqs tagħha.
Għax iċ-ċirkostanzi jinbidlu. Kien hemm żmien daqs sittin sena, meta l-politiċi kienu bdew jitkellmu fuq familji iżgħar. Kien spikka diskors tal-Mexxej tal-MLP, il-Perit Dom Mintoff. Hu kien beda jitratta fid-diskors tiegħu id-daqs tal-familja.
Kien tkellem dwar il-kwistjoni tal-familji kbar u qal li r-rata ta’ twelid f’Malta triq tonqos, inkella l-pajjiż ma jkunx jista’ jieħu ruħ. Fuq kollox qal, hu immorali li tagħmel it-tfal, tedukahom u trabbihom biex imbagħad issifirhom, ovvjament dan b’rabta mal-fatt li ħafna żgħażagħ u familji kienu qegħdin jemigraw minn Malta.
Rapport li kien ixxandar kellu titlu li jaqra hekk: “Wara d-deċiżjonijiet tal-Konċilju….il-Ġlieda bejn l-MLP u l-kleru issa spiċċat …u mhu se jkollha ebda parti fl-elezzjoni ġenerali”.
Kien intqal li “bid-deċiżjonijeit li ttieħdu fil-Konċilju Vatikan II, li joqorbu ħafna lejn dak li ried il-Malta Labour Party, il-ġlieda bejn dan il-partit u l-kleru issa spiċċat u. Mohu se jkolha parti fl-elezzjoni li ġejja”. Dan kien ġie dikjarat mill-Mexxej tal-MLP, il-Perit Dom Mintoff lill-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-partit imlaqqa’ fil-Freedom Hall biex tapprova lista proviżorja ta’ kandidat għall-elezzjoni li ġejja.
Kien intqal li f’diskors mill-iżjed sobriju, il-Perit Mintoff appella għar-realiżmu meta fil-ġimgħat li ġejjin il-Membri tal-MLP jfasslu l-programm elettorali tal-partit. Hu u jsammar ġewwa l-ħtieġa ta’ realiżmu għal li ġej, il-Perit Mintoff ta’ żewġ eżempji ta’ kif kienu l-qalba tad-diskorsi tiegħu u jindikaw x’linja mistenni jieħu l-MLP fl-elezzjoni li ġejja.”
Kien qal li waqt li l-MLP irid li Malta tinqata’ mill-ġlied bejn in-nazzjonijiet u tgħix fil-paċi permezz ta’ l-industriji, l-agrikoltura u t-turiżmu, irid ikun realistiku u jekk hemm bżonn li jibqa’ Trattat ta’ Difiża u Trattat Finanzjarju ma’ l-Ingilterra, jerġa’ jinnegozja dawn biex jikseb kundizzjonijiet iżjed favorevoli għal Malta. Il-Perit Mintoff fisser konvinzjoni qawwija li, kontra dak li hawn min jaħseb, il-Gvern Ingliż jasal fi ftehim mal-MLP meta dan jikun fil-gvern għax għalkemm jeħodlu flus iżjed u jagħtih faċilitajiet inqas, jara li l-qagħda f’Malta tirranġa ħafna iżjed malajr.
Kien intqal li l-eżempju l-ieħor ta’ Mintoff kien li enfasizza li biex tkun realistiku ma’ tistax tgħid li din hi qagħda kerha ħafna u tgħid li trid tagħmel is-sagrifiċċji biex tirranġaha u fl-istess ħin tgħid li se tnaqqas it-taxxi. Fuq dan il-punt, il-perit Mintoff qal li jekk kulħadd jagħmel sforz il-qgħad għoli li hawn fil-pajjiż ikun jista’ jinqata’ għax permezz ta’ dan l-isforz, Gvern Laburista jkun jista’ jġib ħafna iżjed għajnuna mingħand pajjiżi barranin. “Jekk ma jkunx hawn xogħol għal kulħadd, ma nistgħu nfiequ qatt”, iddikjara l-Perit Mintoff.
Il-kwistjoni tal-familji kbar
Dak inhar il-Perit Mintoff kien itratta ukoll il-kwistjoni tal-familji kbar u qal li r-rata ta’ twelid f’Malta triq tonqos, inkella l-pajjiż ma jkunx jista’ jieħu ruħ. Fuq kollox qal, hu immorali li tagħmel it-tfal, tedukahom u trabbihom biex imbagħad issifirhom. Madankollu Mintoff enfasizza li l-MLP mhux mibni fuq il-Marxiżmu iżda fuq it-tagħlim ta’ Sidna Ġesu Kristu u qal li l-ħsieb tiegħu mhux li jmur kontra dak li tgħallem il-Knisja.
Kien qal li “irridu nfittxu kif, bla ma nweġgħu lil ħadd, nagħmlu inqas tfal”, qal Mintofff.
Tenna li l-Knisja stess illum tgħallem li dmir il-ġenituri mhux sempliċiment li jġibu t-tfal fid-dinja, iżda li jtellgħuhom tajjeb ukoll.
Meta tkellem fuq it-taħdidiet li l-MLP kela ma’ rappeżentanti tal-Vatikan, il-Perit Mintoff qal li meta dawn jiġu ppubblikati, il-poplu jkun jaf min kellu raġun qabel l-elezzjoni.
“Id-deċiżjonijiet tal-Konċilju huma eqreb ukoll lejn it-teżi Laburista’, sostna l-Perit Mintoff. Il-Gvern Laburista ta’ l-1955-1958, ħadem iżjed mill-gvernijiet ta’ dan is-seklu f’daqqa, kien iddikjara l-istess Dom Mintoff.


