Fl-okkażjoni ta’ dan il-Ġublew tat-Tama u l-bidu tar-Randan Imqaddes, se jinġab f’Għawdex il-Kurċifiss Mirakoluż u devot magħruf bħala “Ta’ Ġieżu”, meqjum fil-Knisja Franġiskana ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fil-Belt Valletta.
Dan tħabbar fuq il-midja soċjali tad-Djoċesi t’Għawdex fejn tħabbar li. Il-Kurċifiss Ta’ Ġieżu se jkun fil-gżira ta’ Għawdex bejn il-Ġimgħa 7 u l-Ħadd 9 ta’ Marzu 2025. Mill-Ġimgħa filgħodu sal-Ħadd f’nofsinhar ikun espost għall-qima fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem, fejn fl-ewwel lejl il-knisja tibqa’ miftuħa għall-adorazzjoni u l-qima tal-fidili.
Nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu, l-ewwel Ħadd tar-Randan, fl-4.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma se jmexxi Pellegrinaġġ Penitenzjali Ġubilari bix-xbieha tal-Kurċifiss Mirakoluż, mill-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova għal quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem, li għalih hu mistieden il-poplu kollu ta’ Alla.
Id-Djoċesi tkompli tikber li x-xbieha, maħduma fis-seklu 17, hi attribwita lill-artist Spanjol Frate Innocenzo di Petralia, u tieħu ħsiebha l-Arċikonfraternità tal-Kurċifiss imwaqqfa fl-istess knisja. Hija waħda mill-aktar xbihat meqjuma tas-Santissmu Kurċifiss li nsibu fil-gżejjer tagħna u tgawdi devozzjoni qawwija mill-poplu tal-gżejjer tagħna.
Fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew “Spes non confundit”, il-Papa Franġisku fakkarna li “t-tama titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba li tgelgel mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is-salib” (n. 3). Għalhekk, iż-żjara tal-Kurċifiss Mirakoluż f’Għawdex, fil-bidu tar-Randan imqaddes, iktar milli sempliċi mument storiku ta’ qima lil xbieha li hi tassew għażiża għall-poplu tagħna, għandha tkun stedina lill-Insara biex jerġgħu jdawru ħarsithom lejn is-sinjal il-kbir tat-tama tagħna li fih tidher l-imħabba kollha ta’ Alla għalina l-bnedmin: Kristu Msallab.
Intant din mhijiex l-ewwel darba li l-Kurċifiss Ta’ Ġieżu qed jinġab fil-gżira ta’ Għawdex. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-Kurċifiss kien inġab mill-Belt Valletta fl-istess Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għawdex biex jiġi mħares minn kull periklu tal-ħbit frekwenti tal-għadu, fejn dam minn Mejju 1941 sa Marzu 1944. Din kienet l-ewwel u l-unika darba li nħareġ mill-Knisja tal-Belt, fejn kien ilu għall-qima sa mill-1648, biex tħalla għall-qima fi knisja oħra.