Thursday, February 12, 2026

Il-Kurja tapprova li l-festa tad-Duttrina titmexxa b’ġimgħa… L-għaqda tilqa’ d-deċiżjoni b’impenn għal festa aqwa minn qatt qabel

Aqra wkoll

Minn din is-sena, il-festa tal-Madonna tad-Duttrina f’Ħal Tarxien se tibda tiġi ċċelebrata fit-tieni ġimgħa ta’ Lulju minflok fit-tielet ġimgħa kif kien isir sas-sena l-oħra. 

Din id-data ġiet ikkonfermata mill-Kurja fil-jiem li għaddew, wara li sar rikors mill-Arċipriet ta’ Ħal Tarxien Fr. Chris Ellul, li mexxa wkoll laqgħat bejn l-Għaqda Mużikali Madonna tad-Duttrina u l-Kumitat tal-Festa Marija Annunzjata biex intlaħaq qbil dwar prattiċi fiż-żarmar u l-armar bejn iż-żewġ festi ħalli dawn ma jtellfux lil xulxin.

Il-President tal-Għaqda Aurel Gafà qal li l-għaqda sodisfatta ferm b’din id-deċiżjoni wara tant ħidma u appelli minn naħa tagħha. Tenna l-impenn li kif qiegħed isir minn sena għall-oħra, l-Għaqda għandha grupp sabiħ ta’ persuni li ilhom xhur għaddejjin bil-preparamenti kollha bbażati fuq pjan strutturat ta’ ġimgħa ta’ impenji fosthom l-armar, il-banda u spettaklu ta’ nar tal-art u ta’ l-ajru.

Il-festa tal-Madonna tad-Duttrina f’Ħal Tarxien taf il-bidu tagħha qabel l-1864 meta bdiet tiġi ċċelebrata mill-Kongregazzjoni tad-Duttrina u aktar tard kompliet tikber meta saret il-Fratellanza fl-1874 u l-vara fl-1877. 

Illum il-ġurnata l-festi esterni huma organizzati mill-Għaqda Mużikali Madonna tad-Duttrina li fl-aħħar snin waqqfet ukoll il-banda fi ħdanha u kabbret iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa li se jkunu mifruxa fuq il-jiem kollha tal-ġimgħa bejn il-5 u t-12 ta’ Lulju 2026.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport