Tuesday, July 15, 2025

Il-Kurunell James Grech jinħatar bħala Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ħatar lill-Kurunell James Grech bħala d-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Il-Kurunell James Grech twieled fl-1977. Huwa attenda l-kulleġġ ta’ San Alwiġi, Birkirkara. Bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Fergħa tal-Operazzjonijiet, Pjanijiet u Intelliġenza fil-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Il-Kurunell James Grech issieħeb fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-1999 u wara taħriġ bażiku f’Malta, ingħata l-kummissjoni tiegħu bħala Second Lieutenant fl-2000. Bejn l-1999 u l-2003, il-Kurunell Grech iggradwa mill-Akkademja Navali Ġermaniża f’Murwik, il-Ġermanja, Matul dan il-perjodu, wettaq ukoll diversi eżerċizzji u taħrig fuq diversi bastimenti navali Ġermaniżi u attenda korsijiet speċjalizzati fi ħdan in-Navy Ġermaniza.

Matul is-26 sena karriera militari tiegħu, il-Kurunell James Grech okkupa diversi karigi kemm operattivi u anke amministrattivi. Huwa serva b’mod operattiv fl-Iskwadra Marittima fejn okkupa diversi karigi ta’ tmexxija abbord bastimenti navali tal-Forzi Armati ta’ Malta, fosthom bħala Kmandant tal OPV P31, CPV P52 u l-OPV P61. Huwa ħa sehem f’taħrig u f’eżerċizzji navali internazzjonali, operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, u operazzjonijiet ta’ sorveljanza marittima relatata mas-sigurtà marittima. 

Serva wkoll bħala Uffiċjal Inkarigat mit-tmexxija tat-taqsima tal-Patrol Boats kostali, Inshore Patrol Boat Command u Offshore Patrol Boat Command fi ħdan l-Iskwadra Marittima. Matul dan il-perjodu il-Kurunell Grech attenda korsijiet u taħrig kemm militari u ċivili fuq il-qasam marittimu. Temm ukoll b’suċċess il-Commanding Officers course fl-iskola tal-Kmand Navali Taljan f’Augusta l-Italja. Fl-2008, l-Iskwadra Marittima fejn kien iservi b’mod operattiv il-Kurunell Grech, ġiet onorata bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika (MQR).

F’Ottubru tal-2011, il-Kurunell Grech ġie assenjat bħala Staff Officer fil-Fergħa tal-Loġistika fi ħdan il-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati ta’ Malta. Matul dan iż-żmien, serva fuq bordijiet t’evalwazzjoni waqt il-proċess t’akkwist ta’ diversi proġetti tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn ta wkoll kontribut validu għall-modernizzazzjoni tal-flotta marittima u dik tal-ajru.

Fl-2012, il-Kurunell Grech temm b’suċċess in-Naval Staff College fil-Maritime War College f’Venezja, l-Italja. Ikkwalifika wkoll bħala SAR On Scene Commander u attenda b’suċċess kors fir-Regolamentazzjoni Reġjonali tal-Oċeani fl-Istitut Oċeanografiku Internazzjonali fl-Università ta’ Malta.

Fl-2013, il-Kurunell Grech ġie appuntat bħala Staff Officer Maritime and Air, Plans and Operations fi ħdan il-Fergħa tal-Operazzjonijiet fil-Kwartieri Ġenerali, b’konformità mal-esperjenza tiegħu f’dan il-qasam fejn fil-2015, il-Kurunell Grech iggradwa u kiseb Diploma Avvanzata fil-Liġi Marittima fl-IMO International Maritime Law Institute (IMLI). B’mod parallel, mal-irwol tiegħu fil-Forzi Armati ta’ Malta, il-Kurunell Grech huwa wkoll lettur fil-Maritime Safety and Security Training Centre (MSSTC).

F’Jum ir-Repubblika tal-2014 il-Kurunell Grech irċieva l-Midalja għal servizz distint lejn Malta. Il-Kurunell Grech ġie ukoll ppreżentat bil-Midalja għal-Servizz Twil u Effiċjenti fl-2017 u kif ukoll clasp tal-istess midalja fl-2025.

Il-Kurunell Grech jirrappreżenta wkoll lill-Forzi Armati ta’ Malta fuq diversi bordijiet u fora nazzjonali u internazzjonali fuq aspetti relatati ma’ Sigurtà Marittima kif ukoll għadu jservi bħala Membru tal-Bord Konsultattiv Nazzjonali tas-Sajd.

Il-Ministru Camilleri awgura lid-Deputat Kmandant għall-ħatra tiegħu, filwaqt li rringrazzja lill-Kurunell Edric Zahra tal-ħidma li wettaq fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar snin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport