Thursday, April 18, 2024

IL-KWADROLOĠIJA TAL-ĦMAR (1) … MHUX GĦAX MARA

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Ċempilli ħabib: “Lorna … nista’ nibdel kunjomi?  Jien nistinka u naħdem u dik tiġi għal erba’ ritratti u titla’.”  Dan il-kandidat raġel qatt ma reġa’ ħareġ għall-Kunsill wara.  Niftakar ukoll mara, tgħidli “jien ’qas ħabbatt bieb wieħed u tlajt!”  Fil-politika l-ħmar spiss jissemma.  Iżda il-psikoloġija tagħna tiddettalna nivvutaw minn fuq għal isfel.

Xi kultant nagħtu importanza żejda għall-fatt li ċerti nisa ma telgħux, meta r-raġuni proprja li żammithom milli jitilgħu kienet il-pożizzjoni tagħhom fil-polza tal-vot.  Bla dubju, dan japplika wkoll għal ċerti rġiel.

Il-grupp ta’ kandidati nisa li jikkontestaw kull elezzjoni mhumiex ħlief kampjun tal-kandidati kollha li jista’ jurina xejriet li ma japplikawx biss għan-nisa iżda wkoll għall-irġiel.  

Nixtieq nibda billi nagħmel dikjarazzjoni ta’ ċaħda (disclaimer).  Ma rridx infisser li kull min jgħinu kunjomu ma jaħdimx biex jikseb il-voti.  Iżda lanqas ma jfisser li kull min ma telax ma ħadimx u tort tiegħu li ma telax meta beda t-tellieqa fuq il-korsija ta’ barra taċ-ċirku minflok fuq ta’ ġewwa.

Tikteb Lorna Vassallo

Niddikjara wkoll li għandi kull ġieħ u ammirazzjoni lejn id-diversi rġiel u nisa li nista’ nsejħilhom ta’ statura ikonika fil-politika Maltija, li mhux talli telgħu, imma talli baqgħu jitilgħu u laħqu l-ogħla karigi fil-pajjiż.  Dawn kienu u huma llum il-mudell ta’ mara tiegħi u għandi kull rispett lejhom. Bl-ebda mod ma rrid innaqqas xi mertu lil xi ħadd.

Iżda naqbel ma’ dak li kien ġie rrappurtat li qal il-MP Nazzjonalista Anthony Sammut f’Jannar 2021 li “l-alfabett huwa l-ikbar diskirminazzjoni fis-sistema elettorali tagħna”. Dak iż-żmien, 48 minn 67 MP Malti kellhom isimhom jibda bl-ewwel 7 ittri tal-alfabett u 4 MP biss kellhom kunjomhom jibda bl-aħħar 7 ittri tal-alfabett.  L-istess artiklu qal: fejn jidħlu n-nisa d-distakk bejn dawk fil-bidu tal-lista u dawk fl-aħħar huwa akbar.  F’dik l-elezzjoni n-nisa kollha li telgħu kellhom kunjomhom jibda bl-ewwel sitt ittri tal-alfabett. Jien kemm-il darba poġġejtha: “fil-każ tan-nisa l-alfabett huwa iqsar!”.

James Debono fil-Malta Today f’Marzu 2012 ukoll qal li “35% tad-direttorju kien iddedikat lill-kunjomijiet A, B u C imma 32% biss tal-MP kellhom kunjomhom jibda b’dawn l-ittri … 22% tad-direttorju kien dedikat lil nies li kunjomhom kien jibda bl-aħħar ittri tal-alfabett, imma 16% tal-parlamentari biss kellhom isimhom jibda b’dawn l-ittri. 

Jekk nieħdu n-nisa bħala kampjun insibu li minn 34 mara biss li telgħu kemm ilhom jivvutaw in-nisa (mill-1947), 6 biss kellhom kunjomhom mill-N ’il quddiem (17.6%): Marthese Portelli, Marlene Pullicino Orlando, Carmen Sant, Deborah Schembri Tabone, Mabel Strickland u Alison Zerafa Civelli.  Apparti tnejn minn dawn in-nisa, il-kumplament kellhom affinità jew qrubija ma’ politiċi ewlenin ta’ żmienhom.

Jekk inħarsu lejn il-kandidati nisa li telgħu iktar minn darba, Agatha Barbara telgħet 10 darbiet, Giovanna Debono 7 darbiet u Helena Dalli 6 darbiet.  Marie Louise Coleiro telgħet 4 darbiet. Justyne Caruana, Dolores Cristina, Helen D’Amato, Evelyn Bonaci u Mabel Stickland telgħu 3 darbiet u Marlene Farrugia telgħet darbtejn b’kunjomha Farrugia u darba b’kunjomha Pullicino Orlando.  Claudette Buttiġieġ, Kirsty Debono, Julia Farrugia Portelli, Marthese Portelli u Cecilia de Trafford Strickland telgħu darbtejn kull wieħed u l-oħrajn kollha darba.  Hawnhekk m’iniex qed ninkludi by-elections.

Dan ifisser illi minn 16-il mara li telgħet iktar minn darba, Mabel Strickland, Marlene Pullicino Orlando u Marthese Portelli (3) huma l-uniċi nisa li kellhom kunjomhom mit-tieni nofs tal-alfabett (18.75% jew inqas minn waħda minn kull ħamsa). 

Bla dubju kemm titla’ jiddependi minn kemm-il darba toħroġ. U r-raġuni li ma terġax titla’ tista’ tkun għax m’erġajtx ħriġt.  Iżda, fuq in-naħa l-oħra tal-munita, każ impressjonanti huwa dak ta’ Miriam Spiteri Debono li ħarġet 6 darbiet u qatt ma telgħet.  Il-fatt li kienet dejjem fl-aħħar parti tal-vot jidher li żammha milli titla’ minkejja l-perseverza u l-ħila tagħha. 

Wieħed ma jistax jinsa barra ħafna fatturi, fosthom li kandidati ma ħadmux, li ma telgħux aktar għax ma kkontestawx aktar jew li għax għadhom joħorġu issa.  Imma huwa wkoll veru li xi kandidati jitħajru jikkontestaw minħabba kunjomhom, waqt li oħrajn jieqfu milli jikkontestaw minħabba fih. Il-fenomenu tal-votazzjonijiet minn fuq għal isfel tħalla dejjem taħt il-mejda u jekk għal xi rġiel kien ta’ żvantaġġ, għal ċerti nisa kien anke ta’ żvantaġġ doppju. 

Bil-mekkaniżmu introdott dan l-aħħar, in-nisa nagħtaw it-tielet ċans.  F’artikli futuri f’din is-sensiela t’ erbgħa, inkompli nikkwota studji u niddiskuti aspetti u statistika differenti dwar dan is-suġġett. 

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.

Ekonomija

Sport