Friday, December 27, 2024

IL-KWALITÀ FIT-TURIŻMU

Aqra wkoll

L-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fir-rigward tal-wasliet tat-turisti, l-iljieli mqattgħin u l-infiq tagħhom f’pajjiżna, huma ferm pożittivi. Fil-fatt, dawn kienu l-aqwa sitt xhur fl-istorja tat-turiżmu Malti, u l-indikazzjonijiet għat-tieni nofs tas-sena wkoll jidhru li huma tajbin.

Naturalment, wara dawn ir-riżultati, hemm il-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod barra minn xtutna. Fuq quddiem nett hemm l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li qed tiffoka l-ħidma tagħha mhux biss biex ikunu attirati turisti mill-Ewropa imma anke lil hinn.

Quddiem dan kollu, jeħtieġ li l-kwalità fis-servizz tibqa’ tingħata prijorità. Dan qed narawh iseħħ anke permezz ta’ investimenti diversi li qed isarrfu f’esperjenza aħjar mhux biss għat-turisti li jiġu jżuruna, imma wkoll għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Iżda kif qal tajjeb il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, f’intervista li kellu ma’ dan il-ġurnal, jekk irridu mmorru għall-kwalità, irridu s-servizz. Wara kollox din hija industrija li ġġib in-nies flimkien u hi industrija li tista’ tilħaq il-kwalità billi jkun hemm servizz fin-nies ta’ kwalità.

Illum il-ġurnata, is-settur tat-turiżmu qed ikompli jikber u jespandi. Qed ikollu jadatta għal realtajiet ġodda li ma konniex imdorrijin bihom qabel. It-turist qiegħed ifittex il-kwalità fis-servizz. Għalhekk irridu nkunu destinazzjoni ta’ kwalità li tagħti valur għall-flus, fejn nagħtu lit-turist dak li qed jistenna għall-flus li jħallas.

Fl-istess waqt, huwa importanti wkoll li jkompli jingħata taħriġ f’dan is-settur. Nifhmu li dan qiegħed isir permezz tal-ITS Training School u li dan isir mhux biss billi l-ħaddiema jmorru l-ITS, imma jekk ikun hemm bżonn it-taħriġ jingħata fuq il-postijiet tax-xogħol.

Nemmnu li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta tas-suċċess u tassew tista’ tkun parti integrali minn dan is-suċċess li rridu niksbu mhux biss f’dan il-qasam imma anke bħala pajjiż.

Il-ħtieġa li nkomplu naġġornaw il-prodott turistiku tagħna għandha tibqa’ hemm, u dan sabiex is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri. Dan nemmnu li huwa essenzjali anke meta wieħed iżomm f’moħħu l-ambizzjonijiet li għandu l-Gvern, fosthom dak li joffri settur turistiku ta’ eċċellenza.

Ekonomija

Sport