Sunday, March 16, 2025

“Il-kwalità tal-ħajja għandha tkun il-prijorità tagħna”- Il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef

Aqra wkoll

Ilek ftit aktar minn tliet xhur tokkupa l-kariga ta’ Kummissarju Ewropew. Liema kienu l-ewwel azzjonijiet jew prijoritajiet li bdejt mill-ewwel taħdem fuqhom? 

Hu kruċjali li l-Kummissjoni Ewropea, li essenzjalment hija l-‘gvern’ tal-Unjoni Ewropea, tkun viċin in-nies. Hija l-Kummissjoni li tipproponi liġijiet Ewropej ġodda, li għandhom impatt fuq il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna ċ-ċittadini Ewropej, u li tiżgura li jiġu implimentati.

Ma nistgħux nindirizzaw il-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies jekk ma niltaqgħux magħhom fir-regjuni, fl-ibliet, u fl-irħula fejn jgħixu u niddiskutu magħhom dak li hemm bżonn isir. Għalhekk, fl-ewwel 100 ġurnata tal-mandat tiegħi, żort diversi pajjiżi tal-UE u ddiskutejt ma’ mijiet ta’ ċittadini f’diversi postijiet, minn faċilità korrettiva sa universitajiet.

Iltqajt ukoll ma’ bosta żgħazagħ fi tliet djalogi dwar l-inizjattivi politiċi tal-Kummissjoni Ewropea (il-Youth Policy Dialogues). Wieħed minn dawn id-djalogi mexxejtu jien f’Ateni u t-tnejn l-oħrajn għamilthom mal-kollegi Kummissarji Marta Kos, li hija responsabbli għat-tkabbir tal-UE, u Andrius Kubilius, li huwa responsabbli għad-difiża u l-ispazju, fis-Slovenja u fil-Belġju rispettivament. Dawn id-djalogi maż-żgħażagħ Ewropej fuq temi differenti saħħew il-fehmiet tiegħi dwar il-kwistjonijiet li huma l-aktar fuq moħħ iż-żgħażagħ, bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, kwalita ta’ ħajja aħjar, l-akkomodazzjoni u s-sigurtà.

Nedejt ukoll ix-xogħol preparatorju u l-konsultazzjonijiet fuq il-Kumpass tal-Kultura, li se jkun qafas strateġiku maħsub biex jintegra l-kultura fil-politika fit-tul tal-UE, kif ukoll fuq l-istrategija dwar l-ekwità interġenerazzjonali, li biha rridu nidentifikaw kif nistgħu nsaħħu l-komunikazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet u niżguraw li l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkunu rispettati fit-tfassil tal-politika u l-liġijiet tagħna. Qed nieħu gost nara ħafna entużjażmu fost il-partijiet interessati, li jixtiequ jikkontribwixxu u jkunu parti minn dan il-proċess importanti.

Il-Kumpass tal-Kulturá se jiġi adottat din is-sena, filwaqt li l-istrategija dwar l-ekwità interġenerazzjonali għandha tiġi addottata fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.

Minbarra li inti l-iżgħar fost il-Kummissarji Ewropej li qatt kien inkarigat mill-portafoll taż-żgħażagħ, inti wkoll l-ewwel Kummissarju għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali. X’ifisser dan kollu għalik?

Huwa privileġġ u responsabbiltà li ġejt fdat biex naħdem direttament għall-futur tal-Unjoni Ewropea mat-tfal u ż-żgħażagħ, li huma l-futur tagħna. Ħidmieti issa hija ffukata kollha biex insarraf din il-fiduċja f’kisbiet għaċ-ċittadini.  

Dak li niżirgħu fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna issa se naħsduh fil-futur. Hu fundamentali li ninvestu kemm nifilħu biex iħossuhom parti integrali mill-proġett tal-Unjoni Ewropea u li nnisslu fihom ir-rieda u l-entużjażmu neċessarji biex jibnu u jtejbu fuq dak li se nħallulhom aħna.

Permezz tal-istrategija dwar l-ekwità interġenerazzjonali, għandna l-opportunità li nikkreaw pjattaforma li permezz tagħha jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet li nieħdu llum ma jagħmlu l-ebda ħsara lil min ġej warajna, filwaqt li ntejbu l-komunikazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet biex niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura. Qatt fl-istorja tal-umanità ma kellna daqstant ġenerazzjonijiet jgħixu flimkien. 

Din hi opportunità li ma nistgħux nitilfu. Irridu niżviluppaw qafas li jippermetti li l-ġenerazzjonijiet differenti jaħdmu id f’id biex jitgħallmu minn xulxin u jkunu hemm għal xulxin.  

X’tixtieq tara aktar f’dak li jirrigwardja l-oqsma tal-kultura u l-isport?

Il-kultura u l-isport jistgħu jħallu impatt pożittiv fis-soċjetà tagħna. Nixtieq nara ċ-ċittadini tagħna jkunu aktar attivi u jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi u kulturali. Dan iwassal biex inkunu aktar b’saħħitna fiżikament u mentalment, bil-benefiċċji kollha li ġġib magħha din il-bidla: mill-fatt li nkunu aktar kuntenti għal tnaqqis konsiderevoli fin-nefqa pubblika fis-settur tas-saħħa.

L-isport u l-kultura jwasslu wkoll għal soċjetà aktar magħquda, fejn l-individwi jissoċjalizzaw u jkunu membri ta’ xi grupp minflok joqogħdu waħedhom ġo darhom jiċċassaw lejn skrin. L-isport u l-kultura huma fost l-aqwa għodod li għandna biex negħlbu s-solitudni u l-estremiżmu. Jgħaqqdu s-soċjetà u jixprunaw il-valuri Ewropej li jagħmluna dak li aħna, bħalma huma s-solidarjetà, il-libertà tal-espressjoni, u kreattività. Fl-istess ħin, jipprovdu opportunitajiet ekonomiċi, bħal pereżempju fil-qasam tat-turiżmu. 

Minbarra li l-kultura u l-isport iwasslu għal aktar għaqda fis-soċjetà tagħna, jistgħu jservu wkoll ta’ pont ma’ pajjiżi oħrajn fl-ambitu tad-diplomazija internazzjonali. Dan diġà qed iseħħ, iżda nemmen bis-sħiħ li għandna ħafna fejn nistgħu nespandu.

Biex nagħmlu dan se jkun kruċjali li nipproteġu lill-ħaddiema fl-oqsma kulturali u kreattivi, kif ukoll li nħarsu lejn l-impatt tat-teknologiji ġodda u tal-intelliġenza artifiċjali fuq is-settur. 

Dawn l-elementi, u ħafna oħrajn, se jkunu kruċjali fil-Kumpass tal-Kultura li qed naħdmu fuqu bħalissa.

Waqt il-grilling li kien sarlek f’Diċembru kont għedt li waħda mill-akbar sfidi hi l-protezzjoni tas-saħħa mentali fost it-tfal u ż-żgħażagħ, b’mod partikolari minħabba f’dak li jsir online. X’taħseb li għandu jsir f’dan ir-rigward?

Il-kwalità tal-ħajja għandha tkun il-prijorità tagħna.

Il-ħajja saret mgħaġġla ħafna u t-tfal u ż-żgħażagħ huma kontinwament ibbumbardjati b’kontenut online, tant li qajla jkollhom ċans japprezzaw dak li għandhom madwarhom. Importanti li jiżdied l-għarfien dwar l-għodod diġitali fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kontenut online mingħajr ma jipperikolaw is-saħħa mentali tagħhom. 

Nixtieq ukoll li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jipparteċipaw bis-sħiħ f’attivitajiet kulturali u sportivi, li jżommuhom b’saħħithom minn kull aspett. Fid-dekasteru tiegħi, il-President tal-Kummissjoni Ewropea fdatni bir-responsabbiltà li niżviluppa pjan ta’ azzjoni kontra l-bullying ċibernetiku.

L-idea tiegħi hija li niżgura l-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ online u fl-istess ħin naħdem id f’id mal-industrija biex niżviluppaw pjan ta’ azzjoni li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

X’benefiċċji qed iħalli l-programm Erasmus+? Se nkunu qed narawh jikber u jissaħħaħ fiż-żmien li ġej?

Il-Programm Erasmus+ għamel eluf ta’ ċittadini Ewropej ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea għal ħajjithom.

Dan il-programm ta l-opportunità lil bosta żgħażagħ li jitgħallmu ma’ studenti minn pajjiżi oħrajn f’università differenti minn dik fejn ikunu qed jistudjaw huma, bil-benefiċċji kollha li din l-esperjenza ġġib magħha.  Se tkun missjoni tieghi li nara li dan jissaħħah u jiġi kumplimentat bi programmi eżistenti li jippromwovu esperjenzi ta’ xogħol volontarju fost iż-żgħażagħ. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas x’tikkummenta fuq l-aħħar żviluppi fl-Intelliġenza Artifiċjali?

L-Intelliġenza Artifiċjali (IA) hi għodda b’saħħitha li għandna nużawha bl-aħjar mod. L-akbar żball li nistgħu nagħmlu hu li nibżgħu minn din l-għodda u niġru ’l bogħod minnha, għax l-iż-żvilupp teknoloġiku ma jieqaf jistenna lil ħadd. L-IA tista’ twassal għal titjib sostanzjali f’ħajjitna, kif ġara bl-internet. Pereżempju, jiena nemmen li din it-teknologija tista’ tagħti żvolta qawwija lill-ġlieda kontra l-kanċer.  

B’mod ġenerali, huwa importanti li nqiegħdu liċ-ċittadin fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħna, u dan japplika b’mod partikolari fil-linja politika Ewropea fuq l-IA.

Ovvjament, irridu noqogħodu attenti u nilqgħu għall-problemi li nistghu niffaċċjaw minħabba l-użu tal-IA, inkluż b’leġiżlazzjoni settorjali li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema tagħna, fosthom tal-artisti u ta’ dawk li jaħdmu fis-settur kreattiv. Fix-xhur li ġejjin se nkunu qed naħdmu fuq strateġija dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-industriji kulturali u kreattivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport