Monday, May 13, 2024

Il-kwalità tal-ħajja

Aqra wkoll

Il-kwalità tal-ħajja hija xi ħaġa suġġettiva, u hija komponent essenzjali sabiex tkejjel il-livell ta’ kuntentizza li abbażi tagħha wieħed jagħmel u jieħu deċiżjonijiet finanzjarji. Il-fatturi li jilagħbu rwol importanti f’dan il-kejl jinbidlu skont il-prijorità tal-persuna imma huma fatturi li ħafna drabi jinkludu s-sigurtà finanzjarja, is-sodisfazzjon li jagħtik ix-xogħol li tkun taħdem fih, il-familja u l-istil ta’ ħajja li tkun qed tgħix, is-saħħa u anki s-sigurtà b’mod ġenerali.

Fatturi

Deċiżjonijiet finanzjarji jistgħu jsiru b’mod li jagħmlu kompromessi bħal li titnaqqas ċertu kumdità biex ikun hemm tfaddil ta’ flus jew biex id-dħul finanzajrju jkun ikbar. Min-naħa l-oħra, kwalità ta’ ħajja tajba għal ħaddieħor hija li jinfoq aktar flus biex jgħix ahjar.

Ghaldaqstant, il-kwalità tal-hajja tista’ tkun relatata b’mod dirett mal-aspetti tal-post tax-xogħol, f’livell ta’ kuntentizza li persuna tħoss meta tkun fuq il-post tax-xogħol tagħha. Jekk post tax-xogħol iħallas salarju tajjeb imma jkun jirrikjedi ħinijiet twal ta’ xogħol, dan se jnaqqas minn ħin li jista’ jintuża għal relazzjoni, ħin ta’ kwalità mat-tfal etċ. Ifisser li minkejja li d-dħul finanzjarju huwa tajjeb, l-individwu ma jkollux iċ-ċans li jgawdi dak li tant qed jistinka għalih. Dan għaliex jekk il-post tax-xogħol ma jkunx qed jippermetti għal ħin adekwat biex wieħed jistrieħ, tibda tinħass l-istress li dan iġib miegħu, b’riżultat li din tinbidel fi frustrazzjoni anki mal-membri tal-familja.

L-aqwa sitta

Skont studju li sar mill-Università ta’ Pennsylvania, l-ewwel sitt pajjiżi fid-dinja li huwa stmat li għandhom l-ogħla kwalità ta’ ħajja huma; Kanada, Danimarka, Żvezja, Norveġja, Żvizzera u Awstralja. Ir-raġunijiet huma taħlita ta’ stabbilità ekonomika, sistemi ta’ edukazzjoni robusti, dħul indaqs għall-istess xogħol, miżuri favur il-familja, stabbilità politika u sistemi affordabbli ta’ saħħa pubblika.

Lokalment

Lokalment, il-Gvern Laburista ilu għal dawn l-aħħar snin jaħdem fuq ħafna minn dawn il-fatturi u oħrajn, għaliex sa mill-bidu emmen li l-kwalità tal-ħajja mhix biss fattur wieħed ta’ kemm għandek dħul finanzjarju, imma fatturi diversi li kollha għandhom it-tkabbir ekonomiku bħala l-bażi tagħhom. 

It-tkabbir ekomomiku jgħin biex ikollok stabbiltà politika u viċi versa. Irid ikollok tkabbir ekonomiku biex bħala Gvern tinvesti fl-edukazzjoni tal-ulied u infrastruttura għaliha. Ma jistax ikollok żidiet fis-salarji jekk min iħaddem ma jkomplix jikber u jimxi ‘il qudidem u biex dan isir irid ikun hemm klima ekonomika stabbli b’saħħitha fil-pajjiż. Bl-istess mod fejn jidħol investiment fil-qasam tas-saħħa u ‘housing’. 

Pajjiżna, anki fl-eqqel tal-pandemija, irnexxielu jibqa’ għaddej bis-servizz eċċellenti fl-isptarijiet tagħna filwaqt li laħħaq mad-domanda u l-piż li ġabet magħha biex salva eluf ta’ mwiet. Dan seta’ jsir għaliex tul iż-żmien kellna Gvern li fehem l-importanza tar-riżorsa umana fis-settur kif ukoll il-bżonn li jkattar u jkabbar l-investimenti tiegħu f’dan il-qasam.

Kellna u għandna Gvern li fehem li l-kwalità tal-ħajja tfisser ukoll li ħadd m’ghandu bzonn jahbi l-personalità tiegħu jew jipprova jkun dak li mhuwiex. Gvern li ta dinjità lil bosta li minħabba tabujiet differenti kellhom jostru s-sesswalità tagħhom. Kif jista’ jkollok kwalità tal-ħajja jekk trid tirristrinġi lilek innifsek milli tkun dak li verament int?

Kellna u ghandna Gvern li daħħal miżuri favur il-familja. Investa biex il-mara tkun daqs ir-raġel u jkollha l-istess opportunitajiet biex tidħol fid-dinja tax-xoghol. Iffinanzja u għadu jiffinanzja ċentri tat-tfal biex il-ġenituri jkunu jistgħu jkomplu bil-karriera tagħhom it-tnejn li huma. Sabiex jilħqu l-milja ta’ dak li stinkaw għalih fuq il-bankijiet tal-iskola u wara, tal-università.

Għandna Gvern u Prim Ministru li għarfu jieħdu l-aħjar decizjonijiet fil-mument propizju sabiex żammew eluf ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ħadmu u stinkaw sabiex jaċċertaw li n-negozji jibqgħu miftuħa anki jekk bi sfidi bla preċedent li assistenja għalihom bejn l-2019 u 2021 bil-pandemija.

Gvern li intervjena bil-kbir għal aktar minn darba sabiex żamm stabbli l-kontijiet tal-enerġija, dawk tal-fuel u prodotti li l-materja prima tagħhom sparaw ‘il fuq fil-prezzijiet, partikolarment prodotti tal-ikel.

Gvern li wara li nvesta fl-infrastruttura tat-toroq tagħna billi ħadem fuq proġetti massiċċi, issa qed idawwar il-prijoritajiet tiegħu lejn investimenti fi progetti ħodor, ambjentali u li jagħtu spazji miftuħa lir-residenti fl-irħula tagħhom stess.

Gvern li jimxi ma min kien ilu għomru u żmienu jiddependi fuq is-servizzi soċjali u minflok daħħal miżuri sabiex dawn daħlu fid-dinja tax-xogħol, uħud minnhom għall-ewwel darba. Gvern li għandu rekord f’dak li huma nies jirreġistraw għax-xogħol, b’livelli bla preċedent ta’ inqas minn elf ruħ ifittxu x-xogħol. Dan komparat ma aktar minn tmint elef lura fl-2013.

Is-saltna tad-dritt ukoll hija fattur meqjus importanti fejn tidħol kwalità ta’ ħajja għaliex dak li jħoss li saret ingustizzja miegħu, ghandu jkollu l-possibilita u l-opportunità sabiex jieħu rimedju. Fil-fatt, din l-amministrazzjoni wettqet bidliet bla precedent f’ dan il-qasam ukoll, bi Prim Ministru li telaq minn idejh poteri, fosthom l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija, tal-Ġudikatura u ohrajn. Prim Ministru li ħareġ idejh lill-oppożizzjoni sabiex ikun hemm konsultazzjoni dwar ħatriet importanti bħal Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u dik tal-Ombudsman, li minkejja dan, xorta kellek oppożizzjoni li ħaslet idejha biex mingħaliha imbagħad tikkritika li ma kienx hemm konsultazzjoni.

Li kieku…

Dawn il-miżuri saru u daħlu fis-seħħ fi żminijiet differenti f’dawn l-aħħar 11-il sena. Miżuri li bnew waħda fuq l-oħra. Dan għaliex kien hemm viżjoni. Għax nafu fejn irridu naslu. Għax nafu fejn irridu nieħdu lil pajjiżna.

L-isfortuna hi li tant kien hemm minnhom, tant gawda minnhom kulhadd, tant drajnihom li illum bħal donnu kulhadd nesa dan kollu. Imma kieku llum kellna nħarsu lura u nistaqsu lilna nfusna;

Kieku l-Gvern m’għarafx li hemm bżonn ħaddiema barranin fil-qasam tas-saħħa, kieku illum min qed jieħu ħsieb missirijietna fid-djar tax-xjuħ?

Kieku l-Gvern m’għarafx li hemm bżonn ħaddiema barranin fil-qasam tas-saħħa għax in-numru ta’ gradwati lokali mhux ikun biżżejjed għad-domanda, kieku llum min qed jagħti kura fis-swali ta’ Mater Dei?

Kieku l-Gvern ma fetaħx u qed iħallas għaċ-child care centres, kemm ommijiet baqgħu d-dar jieħdu ħsieb uliedhom u kemm mill-paga tar-raġel (jew mara) qed tmur għal din l-ispiża biex joħorġu jaħdmu t-tnejn?

Kieku l-mediċini baqgħu ma jinstabux fuq il-formolarju tal-gvern kif kienet il-prassi sa qabel l-2013, kieku illum kemm anzjani nefqu l-pensjoni tagħhom f’mediċini?

Kieku l-pensjonijiet baqgħu friżati, kemm-il elf ħadu nieqsa f’pensjoni l-anzjani tagħna mill-2013 sal-lum?

Kieku l-Gvern ma ħasibx fit-tapering benefits, kemm nies baqgħu jiddependu fuq ix-xibka soċjali?

Kieku l-Gvern m’għarafx jieħu l-aħjar deċiżjonijiet f’waqthom tul il-pandemija, kemm-il sid ta’ negozju kellu jagħlaq il-bibien tiegħu?

Kieku l-wage supplement ma ngħataw fil-ħin u l-kwantità li ngħata, kemm ħaddiema tilfu ħobżhom u kemm familji spiċċaw iduru għal subgħajhom u jieklu minn ġewwa dak li kien ilhom iġemmgħu s-snin għall-futur tagħhom? Kemm familji kieku, spiċċaw fil-faqar?

Kieku r-riforma tal-kera ma saritx, kemm hawn sidien u familji li għadhom ma jistghux igawdu l-użu frutt propju ta’ proprjetà li hija tagħhom? Bl-istess mod, kemm familji kienu jaqgħu f’riskju li jitkeċċew u jispiċċaw bla saqaf fuq rashom?

Kieku ma kienx Gvern Laburista, Prim Ministru Robert Abela u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, kieku pajjiżna ma kellux dozi biżżejjed ta’ vaċċin biex ġew salvati eluf ta’ ħajjiet, u stajna nkomplu b’ħajjitna qabel pajjiżi oħrajn. Dan għaliex ħaddieħor qalilna li l-vaċċin mhix soluzzjoni.

Dak meħtieġ għall-pajjiż

Dan kollu juri min verament jista’ jġib bidla fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Min tassew għandu l-ħiliet meħtieġa biex jiffaċċja sfida wara oħra. Min jista’ jagħti stabbilità politika. Min jista’ jiggarantixxi tkabbir ekonomiku b’saħħtu u sostenibbli. Min itik serħan il-moħħ ta’ servizz tas-saħħa robust u tal-aqwa livell. Min jista’ jagħti futur lil uliedna fil-qasam edukattiv biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-ħajja. Min għandu l-viżjoni meħtieġa li jaf fejn irid iwassal il-vapur u min għandu l-ħiliet li jipprepara lil pajjiżna f’livell kompetittivi ma’ pajjiżi ferm ikbar minnu. Min għandu l-assigurazzjoni li ż-żgħażagħ jiggarantilhom post tax-xogħol b’valur miżjud. Min jagħti każ lill-anzjani tagħna u jwennishom fejn u meta jkun meħtieġ. Min għandu l-fibra li jieħu deċiżjonijiet l-aktar iebsa anki meta d-dinja kollha tkun għarkupptejha jew dahra mal-ħajt.

Evidenti li filwaqt li ħaddieħor għadu ffukat fuq min għandu jkun il-mexxej tiegħu, fuq min għandu jitkellem wara min, fuq jekk il-kelma tal-mexxej hix biżżejjed biex nimlew it-Tritoni, il-Gvern huwa ffukat fuq it-triq tal-viżjoni li għandu għaliex bi Gvern Laburista, il-futur huwa sabiħ.

Sport