Saturday, November 30, 2024

“Il-kwarantina ta’ 14-il jum mhux sistema sostenibbli” – il-Kamra tal-Kummerċ

Aqra wkoll

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija hija mħassba li l-perjodu attwali ta’ kwarantina ta’ 14-il jum għal każijiet pożittivi ta’ Covid-19 u l-persuni li kellhom kuntatt tagħhom mhuwiex sostenibbli.

Fi stqarrija hija qalet li l-gvern għandu jnaqqas l-perjodu ta’ iżolament għal 10 ijiem, u għal 7 ijiem għal dawk kompletament imlaqqma.

Il-Kamra tal-Kummerċ temmen li dan se jħeġġeġ biex in-nies jitlaqqmu u jieħdu l-booster kontra l-Covid-19.

Hija qalet li kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, hemm riskju reali li n-negozji li jipprovdu servizzi essenzjali ma jkunux jistgħu joperaw mingħajr interruzzjoni. Qalet li kumpaniji li ma jistgħux jaqilbu għal remote working, bħall-manifattura se jiltaqgħu ma’ tfixkil serju, filwaqt li qalet li servizzi essenzjali bħalma huma supermarkets se jintlaqtu ħażin ukoll.

Il-Kamra tal-Kummerċ osservat il-fatt li s-CDC irrakkomandaw li l-perjodu ta’ kwarantina għandu jitqassar minn 10 ijiem għal 5 ijiem għal dawk li m’għandhomx sintomi relatati mal-Covid-19. Barra minn hekk, hija qalet li diversi pajjiżi oħra diġà bdew biex inaqqsu l-perjodu ta’ kwarantina.

Hija sostniet li jeħtieġ aktar ċarezza u appoġġ dwar l-għoti ta’ tilqim lill-impjegati li għandhom kuntatt mal-klijenti jew li jkunu f’kuntatt ma’ diversi impjegati oħra fit-twettiq tax-xogħol tagħhom

Fl-aħħar nett il-Kamra tal-Kummerċ qalet li dawk in-nies li huma mlaqqma kompletament għandhom ferm inqas probabiltà li jkunu morda serjament u inqas probabbli li jxerrdu l-virus.

Sport