Tuesday, March 31, 2026

Il-kwistjoni tan-numru ta’ players barranin fil-Malta Premier … jitkellmu l-protagonisti

Aqra wkoll


Il-kwistjoni tal-players barranin fil-Malta Premier qed issir waħda mill-aktar temi diskussi fil-football Malti bħalissa, hekk kif qed jiżdiedu d-dibattiti dwar jekk għandux jiżdied jew le n-numru ta’ players barranin fil-formazzjoni inizjali tat-12-il team involuti fl-ogħla kampjonat Malti. Din il-kwistjoni mhux biss tmiss il-livell kompetittiv tal-kampjonat, iżda wkoll l-identità tal-logħba lokali u l-futur tal-players Maltin.

Fil-qalba ta’ din id-diskussjoni hemm il-possibbiltà li l-limitu attwali ta’ players barranin jiġi estiż, saħansitra sal-punt li team jista’ jibda partita bi 11-il player mhux “homegrown” jew players lokali. Din hija bidla drastika meta wieħed iqis li bħalissa hemm restrizzjonijiet aktar bilanċjati bejn players Maltin u barranin.

Il-kwistjoni tqajmet b’mod ċar wara kummenti li għamel iċ-chairman tal-Malta Premier, Joseph Muscat f’podcast fuq il-media soċjali fejn hu, għalkemm ma ċaħadx li qed isiru diskussjonijiet, esprima ruħu kontra din l-idea.

Is-Sur Muscat kien ċar ħafna fil-fehma personali tiegħu. “Biex inkun onest miegħek, ma naqbilx li timijiet Maltin ikunu jistgħu jilagħbu bi 11-il barrani fil-formazzjoni inizjali. Anzi naħseb li f’dan l-istadju, il-prijorità għandha tibqa’ li jingħata spazju lill-players Maltin biex jiżviluppaw u jiksbu esperjenza. Dan jista’ jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-player innifsu iżda wkoll għat-timijiet nazzjonali Maltin f’kull kategorija.”

Huwa enfasizza li, minkejja li hemm min jara f’dan il-pass opportunità biex il-kampjonat isir aktar kompetittiv, wieħed irid jara wkoll l-effett fit-tul. Jekk il-players Maltin jitnaqqsulhom l-opportunitajiet, jista’ jkun hemm impatt negattiv fuq it-team nazzjonali u fuq il-livell ġenerali tal-football fil-pajjiż.

Muscat semma’ wkoll li qed tiġi kkunsidrata skema ġdida li għandha tinkoraġġixxi lill-clubs jużaw aktar players Maltin. Fil-fehma tiegħu, skema bħal din diġà teżisti, iżda mhix attraenti biżżejjed biex tagħmel differenza reali. Għalhekk hemm bżonn reviżjoni serja biex il-clubs ikollhom inċentivi konkreti. Dan kollu jista’ jwassal biex il-clubs Maltin jużaw aktar players tal-lokal, fejn ċertament hemm bżonn li jingħataw aktar fiduċja.

Importanti wieħed jifhem li bidla bħal din ma tistax issir b’deċiżjoni sempliċi tal-clubs tal-Premier biss. Skont ir-regolamenti tal-Malta Football Association, kull emenda relatata mal-players barranin trid tiġi approvata fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Dan ifisser li mhux biss il-clubs tal-Premier League għandhom vuċi, iżda wkoll dawk tal-BOV Challenge League, tal-BOV Amateur League u assoċjazzjonijiet oħra. Għaldaqstant, biex proposta bħal din tgħaddi, trid tikseb appoġġ wiesa’ minn diversi livelli tal-football Malti.

Wieħed mill-argumenti ewlenin favur żieda fil-players barranin huwa marbut mal-kompetittività internazzjonali. Is-suċċess riċenti ta’ Hamrun Spartans fil-kompetizzjonijiet Ewropej biddel il-perċezzjoni ta’ x’jistgħu jilħqu l-clubs Maltin. Kif nafu L-Ispartans waslu sal-Fażi tal-UEFA Conference League u dan grazzi għall-għażliet ta’ players ta’ kalibru fl-iskwadra li taw saħħa lit-team.

Dan wassal biex xi clubs jaraw il-bżonn li jkollhom aktar flessibbiltà biex jakkwistaw players barranin ta’ kwalità, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu aħjar fuq livell Ewropew. 

Għalihom, restrizzjonijiet stretti jistgħu jkunu ostaklu għall-progress.

Madankollu, dan l-argument mhux qed jiġi aċċettat minn kulħadd, speċjalment minn dawk li jqisu li l-identità tal-football Malti għandha tibqa’ marbuta mal-iżvilupp tal-players lokali.

Diversi clubs prominenti diġà ħarġu l-opinjoni tagħhom kontra żieda fil-players barranin. Floriana, permezz tal-president Johann Said, ikkonfermaw li huma sodisfatti bil-kwota attwali u mhumiex qed jimbuttaw għall-bidla. “Il-club qed jiffoka fuq investiment fil-players Maltin u jemmen li dawn għandhom ikunu fil-qalba tal-proġett sportiv anke għax din id-direzzjoni dejjem uriet li hi l-formula t-tajba.”

Bl-istess mod, Sliema Wanderers, taħt it-tmexxija tal-president Keith Perry, iddikjara li ma jridx żieda fil-players barranin. Din il-pożizzjoni turi li anke clubs storikament kompetittivi qed jagħżlu li jżommu bilanċ.

Anke Valletta  ingħaqdu ma’ dawn iż-żewġ clubs, u b’hekk hemm blokk inizjali ta’ oppożizzjoni għal kwalunkwe żieda drastika.

Fil-kummenti tiegħu, il-president Claudio Grech qal:

“Il-pożizzjoni tagħna kienet inekwivoka mill-ewwel jum, meta numru ta’ clubs tal-Malta Premier League bdew jappoġġjaw żieda fil-players barranin. Aħna konsistentement sostnejna li direzzjoni bħal din tirriskja li ddgħajjef il-pedamenti stess tal-football Malti.”

“Għalhekk nilqgħu l-fatt li issa jidher li hemm allinjament aktar ċar madwar il-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-opportunitajiet għall-players Maltin u li tiġi protetta l-integrità tal-logħba domestika tagħna.”

“Nisperaw li din il-kwistjoni issa tista’ tiġi solvuta sew, u b’hekk il-clubs u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jidderieġu l-attenzjoni tagħhom fejn verament tappartjeni — fuq it-tisħiħ tal-ekosistema tal-football lokali, l-investiment fil-players tagħna, u l-bini ta’ futur sostenibbli għall-football Malti, aktar milli jitnaqqar.”

Min-naħa l-oħra, Tarxien Rainbows kienu kontra ż-żieda ta’ players barranin fl-ewwel ħdax. John Vella, konsulent tal-president Anthony Cassar, kien dirett ħafna meta qal li l-club huwa kontra żieda fil-players barranin u jaqbel mal-pożizzjoni tal-istess Joseph Muscat.

Min-naħa l-oħra, il-Birkirkara qed jadottaw approċċ aktar kawt. Il-president Michael Valenzia qal li għad m’hemmx pożizzjoni uffiċjali u li l-club qed jistenna aktar diskussjonijiet jimmaturaw. Dan juri li mhux kulħadd lest jieħu deċiżjoni immedjata.

Zabbar St. Patrick ukoll jimponu kontra ż-żieda ta’ players barranin. Il-president Fabio Luca Muscat enfasizza li l-club investa ħafna fil-players Maltin u jemmen li dawn għandhom jingħataw ċans reali.

“Żabbar huma rinomati li jinvestu fiż-żgħażagħ fit-team li apparti li jkunu promettenti, jiksbu posthom fl-ewwel ħdax għax verament ħaqqhom u jkunu ħadmu għalih.”

Mhux il-clubs kollha għandhom pożizzjoni kategorika. Mosta, permezz tal-coach Joseph Grech, spjegaw li filwaqt li jemmnu fl-iżvilupp taż-żgħażagħ u jinsabu kontra li jiġu imposti regoli li jobbligaw lill-clubs jilagħbu ċertu numru ta’ Maltin. Għalhekk għandu jkun hemm bilanċ.

Skont is-Sur Grech, sistema bħal din tista’ toħloq sitwazzjoni fejn xi players jidħlu f’żona komda, għax ikunu jafu li għandhom post garantit. Huwa argumenta li għandu jilgħab min hu l-aħjar, u li kompetizzjoni aktar qawwija tgħolli l-livell tal-kampjonat.

Il-club ta’ Gżira United permezz tat-team manager Marlon Galea, ukoll adottaw viżjoni realistika. Huwa qal li bħala club huma flessibbli u jemmnu li għandu jilgħab min hu l-aktar denju u min jirsisti waqt is-sessjoni ta’ taħriġ. Madankollu, huwa wissa dwar problema aktar profonda: in-nuqqas ta’ kwalità fin-nurseries Maltin.

Wieħed mill-aktar punti interessanti li ħareġ mid-diskussjoni huwa relatat mal-iżvilupp taż-żgħażagħ. Skont is-Sur Galea, hemm wisq nurseries f’Malta, iżda mhux biżżejjed struttura u kwalità.

Huwa sostna li l-aqwa coaches mhux qed jaħdmu maż-żgħażagħ, u li hemm nuqqas ta’ direzzjoni ċara. Dan qed iwassal biex il-players Maltin ma jkunux qed jilħqu l-livell mixtieq, u b’hekk il-clubs ikunu mġiegħla jfittxu soluzzjonijiet barra minn Malta.

Din il-problema qed tirrifletti wkoll fit-team nazzjonali, fejn hemm nuqqas ta’ players f’ċerti pożizzjonijiet, partikolarment attakkanti.

“Jekk int tara x’hemm f’sezzjoni A tal-BOV Youth League u anke fil-BOV Challenge League, hemm numru ta’ attakkanti barranin u mhux ta’ b’xejn m’hemmx skorers prolifiċi Maltin.”

Id-direttur tekniku ta’ Naxxar Lions, Omar Borg, kien ċar ħafna. “Nemmen li t-tmien players barranin għandhom jibqgħu l-massimu.” Huwa qal li żieda f’dan in-numru mhix fl-interess tal-football Malti.

Aspett ieħor li ma jistax jiġi injorat f’dan id-dibattitu huwa l-impatt ekonomiku li żieda fil-players barranin jista’ jkollu fuq il-clubs tal-Malta Premier. Filwaqt li xi wħud jaraw fil-players barranin opportunità biex jitjieb il-livell tekniku u jiżdied l-interess fil-kampjonat, oħrajn jargumentaw li dan jista’ jwassal għal spejjeż akbar li mhux kull club jista’ jiflaħ. 

Importazzjoni ta’ players minn barra ġġib magħha mhux biss pagi ogħla, iżda wkoll spejjeż relatati ma’ akkomodazzjoni, loġistika u addattament. Dan jista’ joħloq disparità akbar bejn il-clubs finanzjarjament b’saħħithom u dawk iżgħar, li jkollhom jiddependu aktar fuq talent lokali.

Barra minn hekk, jekk il-clubs jibdew jinvestu aktar fil-players barranin, jista’ jonqos l-investiment fl-akkademji u n-nurseries, li huma fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-football Malti. 

Dan jista’ jwassal għal ċirku vizzjuż fejn il-kwalità tal-players Maltin tonqos aktar, u b’hekk il-clubs iħossuhom aktar obbligati jfittxu soluzzjonijiet barra minn Malta. Min-naħa l-oħra, hemm min jargumenta li jekk il-kampjonat isir aktar kompetittiv u attraenti, jista’ jiġġenera aktar dħul permezz ta’ sponsors u interess akbar mill-pubbliku, li eventwalment jista’ jibbenefika lill-clubs kollha. 

Madankollu, dan jibqa’ riskju li mhux kulħadd lest jieħu. Għalhekk, kwalunkwe deċiżjoni dwar il-players barranin trid tqis mhux biss l-aspett sportiv, iżda wkoll dak finanzjarju u strutturali, sabiex jiġi żgurat li l-football Malti jibqa’ sostenibbli fit-tul u mhux jiddependi fuq mudell li jista’ jkun diffiċli biex jinżamm.

Din hija pożizzjoni li tirrifletti tħassib usa’ li jekk il-barranin jiżdiedu, il-players Maltin jispiċċaw jitilfu opportunitajiet importanti.

Il-qalba ta’ dan id-dibattitu huwa l-bilanċ bejn żewġ għanijiet importanti: li l-kampjonat ikun kompetittiv u li l-players Maltin jiżviluppaw.

Min-naħa, il-clubs iridu jkunu kompetittivi fl-Ewropa u jiksbu riżultati aħjar. Min-naħa l-oħra, hemm il-ħtieġa li jinħolqu opportunitajiet għall-players Maltin, li huma l-futur tal-logħba.

Dan il-bilanċ mhux faċli li jintlaħaq, u kull deċiżjoni li tittieħed se jkollha konsegwenzi fit-tul.

Hemm diversi xenarji li jistgħu jseħħu fil-futur qrib. Wieħed minnhom huwa li l-kwota tibqa’ kif inhi, b’enfasi akbar fuq skemi ta’ inċentivi għall-players Maltin.

Xenarju ieħor huwa li jkun hemm żieda limitata fil-players barranin, iżda mhux sa 11-il player. Dan jista’ jkun kompromess bejn iż-żewġ naħat.

Fl-aħħarnett, hemm ukoll il-possibbiltà li ssir bidla aktar radikali, iżda dan jidher inqas probabbli minħabba l-oppożizzjoni li diġà qed tidher.

Id-dibattitu dwar il-players barranin fil-Malta Premier League huwa sinjal li l-football Malti jinsab f’fażi ta’ bidla u riflessjoni. Il-fatt li hemm opinjonijiet differenti juri li l-kwistjoni mhix waħda sempliċi.

Filwaqt li xi clubs qed jimbuttaw għal aktar flessibbiltà, oħrajn qed jiddefendu l-importanza tal-iżvilupp lokali. Fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni se tiddependi fuq vot fil-Malta Football Association (MFA).

Dak li hu ċert hu li din id-deċiżjoni se taffettwa mhux biss il-kampjonat, iżda wkoll il-futur tal-football Malti kollu. Għalhekk, il-passi li jittieħdu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali biex jiddeterminaw id-direzzjoni tal-logħba fil-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport