BirdLife Malta temmen li wara ġimgħa mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema, il-kwota ta’ 1,500 Gamiema nqabżet.
Fi stqarrija hija qalet li l-ammont ta’ Gamiem li deher qed ipassi u l-intensità tal-attività tal-kaċċa li ġiet osservata mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema fis-17 t’April lil hawn huma fost l-indikaturi ta’ dan, apparti mill-preżenza aktar qawwija talkaċċaturi fil-kampanja dan l-istaġun, inkluż f’postijiet pubbliċi li ma setgħux jiġu gawduti mill-pubbliku ġenerali.
Il-BirdLife qalet li ġiet innutata wkoll żieda f’diversi illegalitajiet bħal pereżempju l-użu ta’ apparat tal-għajjat elettroniku, li huwa illegali u li wassal għal żieda fil-qtil ta’ din l-ispeċi vulnerabbli fil-jiem li għaddew.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “M’għandna l-ebda dubju, kif żgur li m’għandu l-ebda dubju kull minn għandu ftit sens komun, li n-numri li ssottomettew il-kaċċaturi b’rabta mal-qabdiet li għamlu huma inqas minn kemm verament qabdu. Dan isir apposta sabiex l-istaġun jibqa’ miftuħ irrispettivament min-numru ta’ Gamiem li ġie kkaċċjat. Diġà rajna darba wara l- oħra każi fejn jiġu ddikjarati inqas għasafar minn kemm verament jinqatlu, u għal darba oħra rridu nieqfu nduru mal-lewża u niddeskrivu din il-farsa kif verament hi, jiġifieri farsa. Ejja nassumu li kuljum matul l-ewwel ġimgħa tal- istaġun, 400 kaċċatur biss qabdu Gamiema f’kull ġurnata tal-istaġun. Dan ix- xenarju, li hu ferm konservattiv u assolutament mhux realistiku, diġà jkun ifisser li ntlaħqet iċ-ċifra ta’ 2,800 Gamiema, kważi d-doppju tal-kwota nazzjonali għal din l-ispeċi.”