Monday, September 23, 2024

“Il-laqgħa f’Malta kienet suċċess imma r-Russi għadhom għatxana biex joqtlu”

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kyiv jammetti li l-militar talab għat-tħejjija ta’ 500,0000 suldat

Aqra wkoll

Il-laqgħa li kellna f’Malta bħala pajjiż newtrali kienet waħda ta’ suċċess, iżda f’dan l-istadju d-djalogu mar-Russi għall-paċi mhuwiex vijabbli minħabba l-għatx tagħhom li joqtlu”. Iddikjara dan il-President Ukren Volodymyr Zelensky f’konferenza tal-aħbarijiet minn Kyiv qrib l-aħħar tas-sena u viċin it-tieni sena mill-bidu tal-invażjoni Russa. Huwa qal li l-laqgħa li jmiss hija pjanata li ssir fl-Iżvizzera iżda jrid li aktar pajjiżi jkunu involuti f’dawn il-laqgħat bit-tama li jkun hemm mat-80 pajjiż li jingħaqdu biex jiffirmaw dokument li jkun jista’ jgħaddi għand ir-Russi. Huwa qal dan f’waħda mit-weġibiet dwar jekk huwiex fl-interess tal-Ukreni li jsiru taħditiet favur il-paċi.

Zelensky ammetta li l-militar talab għat-tħejjija ta’ madwar 500,000 suldat ieħor. Fost id-diversi mistoqsijiet li sarulu, huwa nnota li din it-tħejjija tista’ tiswa lill-poplu Ukren mal-500 biljun Ukrainian hryvnia u għalhekk staqsa lill-Ministru tal-Finanzi minn fejn kellhom jiġu dawn il-flus kollha.

Mistoqsi rigward l-kostruzzjoni ta’ fortifikazzjonijiet, huwa faħħar lill-amministrazzjoni tiegħu li pereżempju f’Kharkiv irnexxielhom jibqgħu dominanti minkejja l-qawwa Russa.

Mistoqsi jekk jemminx li l-Ukrajna tinsabx viċin li tibda titlef din il-gwerra, Zelensky wieġeb li le. Fakkar li s-sena li għaddiet kienu f’sitwazzjoni diffiċilissima, meta ħafna mill-pajjiż kien dominat mill-okkupanza tar-Russi, iżda xorta waħda l-Ukreni rnexxielhom jiżblukkaw din is-sitwazzjoni. Kien ċar li niesu pattew qares biex kisbu dan kollu, anke fid-dawl ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ armi.

Mistoqsi jekk din il-gwerra tistax tintemm is-sena li ġejja, Zelensky wieġeb li għalkemm hemm ħafna affarijiet li jistgħu jaffettwaw, “Li naf żgur huwa, li hemm ħafna aktar minna, miljuni  bħali, li mhumiex lesti li jċedu. M’aħniex lesti li nċedu pajjiżna”, kompla Zelensky.

Il-President Ukren intalab iwieġeb minn ġurnalist investigattiv rigward allegazzjonijiet ta’ paragun bejn l-uffiċjali li jinsabu fuq quddiem f’din il-battalja fi stat ta’ disperament u uffiċjali għolja governattivi li baqgħu jgħixu ħajja u jsuqu karozzi lussużi. Intalab iwieġeb jekk dawn tal-aħħar għandhomx jitneħħew sabiex ikun assigurat li s-suldati jingħataw dak kollu meħtieġ. Min-naħa tiegħu l-President Ukren qal li għandu biss ħames jew sitt managers fit-tim tiegħu u li mingħajrhom l-uffiċċju tiegħu jkun dgħajjef.

Tkellem ukoll dwar il-gwerra f’Gaża u qal li din il-gwerra qiegħda tisraq l-attenzjoni minn fuq il-gwerra tagħhom u qiegħda jkollha impatt negattiv fuq s-sapport tal-alleati. Irrikonoxxa li l-gwerra f’Gaża hija traġedja u sfida kbira iżda d-dinja jeħtieġ tirrikonoxxi li dik fl-Ukrajna għadha għaddejja.

Sport