Minn Cristian Muscat
Joe Saragozza huwa wieħed mill-ismijiet li ma tistax ma ssemx meta titkellem dwar il-lawn bowls Malti. Għal aktar minn 56 sena, dan l-atleta u kowċ dedikat għex il-karriera sportiva tiegħu b’passjoni, konsistenza u mħabba kbira lejn l-isport. L-istorja tiegħu ma bdietx mil-lat professjonali, iżda b’mod iżjed umli: bħala tifel, inkarigat li jieħu ħsieb il-bowls ta’ ħaddieħor.
Minn hemmhekk, twieldet mħabba li baqgħet tikber tul ħajtu kollha. Aħna haħdna intervista proprju ma’ Saragozza fejn fih dehret l-imħabba li għandu għal dan l-isport partikolari.
“Spiċċajt inkun jien dak li jieħu ħsieb il-bowls ta’ nies oħra,” jirrakkonta Saragozza b’daħka fl-ewwel mistoqsija li saqsejtu. “Konna żgħar, imma kont nara lil dawn in-nies jilagħbu bil-kalma u l-preċiżjoni. Xi ħaġa ġewwa fija qaltli li għandi nipprova.”
Minn hemm sar apprendist tal-isport, jitgħallem ir-regoli bażiċi ta’ din il-logħba u l-mentalità li trid biex tilgħab lawn bowls b’suċċess. Meta emigra fl-Awstralja, kompla jsaħħaħ l-esperjenza tiegħu, jilgħab f’diversi klabbs u jikkompeti kontra plejers ta’ livell għoli.
Meta rritorna Malta, kien hemm figura kruċjali li fetħetlu bibien ġodda, ħadd ħlief John Zammit. “Fl-2005 ltqajna u minn hemm bdiet relazzjoni sportiva li bidlitli ħajti. Huwa kien wieħed mill-pijunieri tal-Assoċjazzjoni tal-Lawn Bowls, u jiena dħalt involut b’mod attiv f’dan il-proċess.”
Il-karriera tiegħu la ħadet pawża u lanqas naqset mill-pass. Joe Saragozza sar wieħed mill-plejers li rrappreżenta lil Malta fuq l-ogħla livelli.
Fit-Tazza tad-Dinja 2007, Saragozza rrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni b’saħħitha u spiċċa 14-il post minn 24, riżultat meqjus bħala wieħed rispettabbli ħafna. Dak iż-żmien kien għadu kemm falla milli jiġi magħżul għat-tim tal-Commonwealth Games ta’ Melbourne, iżda determinazzjoni tiegħu ma naqsitx.
Fil-Commonwealth Games tal-2010, huwa kkompeta ma’ żewġ plejers Maltin ta’ esperjenza: Michael Debono u Leonard Callus li kienu kollha bbażati fl-Awstralja. Huma taw prestazzjoni mill-aqwa: rebħu kontra l-Iskozja bi skor globali ta’ 1.5-0.5 wara sets ta’ 6-5 u 6-6.
Fil-partita kontra l-Kanada, set wieħed mar għal Malta (10-9) u wieħed għall-avversarji (10-6). Madankollu, fit-tiebreak, il-Kanadiżi ħadu vantaġġ 6-0. Minkejja dan, il-prestazzjoni tagħhom kienet biżżejjed biex turi li Malta setgħet tikkompeti ma’ pajjiżi b’bażi ferm akbar.
“Bla dubju li ħadna ħafna esperjenza minn dawn il-kompetizzjonijiet,” jgħid Saragozza.
“Il-livell kien għoli ħafna, imma morna b’kuraġġ u b’rispett lejn il-logħba.”
Saragozza jgħid li ħafna nies f’Malta għadhom mhux familjari mal-isport. “Ħafna jaħsbuh sport kajman, imma fil-fatt huwa tekniku ħafna.”
Il-lawn bowls jintlagħab fuq green ċatt, fejn l-għan hu li tirdoppja l-bowl tiegħek kemm jista’ jkun qrib il-ballun żgħir imsejjaħ jack. Il-bowls jmorru f’postijiet partikolari u għalhekk ċerta ħila, kalkolu u preċiżjoni huma kruċjali. Il-logħba tintlagħab f’singles, pairs, triples jew fours, u l-istrateġija tagħmel differenza kbira bejn rebbieħ u tellief.
Għal Saragozza, wieħed mill-objettivi ewlenin illum hu li jgħin biex il-lawn bowls isir aktar popolari f’Malta. “Il-verità hi li l-isport perfett għal kull età, speċjalment għal nies li jixtiequ jiżviluppaw jew irtiraw minn sports oħra. L-isport hu kalm, imma kompetittiv ħafna. Jiġbed nies ta’ kull età.”
Madankollu, jaqbel li l-isport jeħtieġ aktar promozzjoni, aktar investiment fil-faċilitajiet, u aktar programm għal tfal u żgħażagħ.
“Hemm min jgħid li lawn bowls huwa sport għall-anzjani. Imma dan mhux minnu. L-Awstralja u New Zealand għandhom tfal minn 8 snin jilagħbu. Jekk nistgħu nintroduċu tfal hawn Malta, il-futur tal-isport ikun ferm isbaħ u b’saħħtu.”
Illum, lil hinn milli jilgħab, Saragozza jaħdem ukoll bħala kowċ u mentor. “Nieħu pjaċir ngħin lill-ġenerazzjoni l-ġdida titgħallem teknikament kif għandu jintlagħab l-isport.
Għandna talent, imma għandna bżonn aktar gwida u opportunitajiet biex jikbru.”
Huwa jemmen li Malta jista’ jkollha tim kompetittiv fuq livell Ewropew u anke fil-Logħob tal-Commonwealth jekk ikun hemm pjan strutturat għat-tfal u għaż-żgħażagħ.
F’parti mill-intervista, Saragozza għamel appell speċjali lit-tfal u ż-żgħażagħ:
“Nixtieq ngħid lit-tfal Maltin biex jieħdu s-serjetà l-lawn bowls. Mhux xi logħba żgħira ta’ fil-weekend. Huwa sport internazzjonali fejn Malta diġà rnexxielha tagħmel suċċessi. Jekk nibdew it-tfal minn età żgħira, nistgħu nkunu fuq livell ferm ogħla fi ftit snin. U aħna l-kowċis lesti noffru għajnuna, taħriġ u gwida. Imma jeħtieġ li l-ġenituri u l-komunità sportiva jagħtu ċans lil dan l-isport jikber.”
Joe Saragozza mhux biss atleta li għadda mill-aqwa kompetizzjonijiet internazzjonali, iżda figura li trid tħalli wirt. Il-missjoni tiegħu llum hija ċara: li t-tiġdid tal-lawn bowls jibda minn Malta stess, u li ġenerazzjoni ġdida tieħu l-pass li hu ħa b’tant imħabba aktar minn nofs seklu ilu.
“Il-lawn bowls tani ħbieb, ferħ u sens ta’ dixxiplina,” jgħid. “Nixtieq narah jagħti l-istess lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

