Arsenal komplew fejn ħallew qabel il-waqfa ta’ sitt ġimgħat minħabba t-Tazza tad-Dinja hekk kif il-leaders saħħew posthom fil-quċċata tal-Premier League Ingliż b’rebħa f’darhom ta’ 3-1 fuq West Ham.
Iżda kienu l-Hammers li fetħu l-iskor, fis-27 minuta, meta Jarrod Bowen ġie mwaqqa’ minn William Saliba u mill-11-il metru Said Benrahma ma żbaljax.
Kien hemm burdata ta’ frustrazzjoni fost il-partitarji tal-Gunners sakemm, fil-53 minuta, Bukayo Saka kkonverta mill-viċin wara li approfitta minn xutt ħażin ta’ Martin Odegaard.
Kien goal li nissel kunfidenza fost il-players ta’ Arsenal biex qatt ma ħarsu lura … u proprju ħames minuti wara marru fil-vantaġġ meta Gabriel Martinelli nganna għal kollox bil-goalkeeper, Lukasz Fabianski, b’xutt minn pożizzjoni angolata.
Fid-69 minuta, Edward Nketiah issiġilla r-rebħa b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka.