Saturday, December 21, 2024

Il-leaders Hibernians miżmuma minn Sta Lucia

Aqra wkoll

Minn Christian Muscat – ritratt: Christine Borg

Hibernians …….1

Sta Lucia ………1

Hibernians sfaw miżmuma fi draw diżappuntanti ta’ 1-1 minn Santa Lucia, biex b’hekk dawn kienu l-ewwel żewġ punti mitlufa mill-Pawlisti f’dan l-istaġun.

Kollox ma’ kollox, dan jista’ jitqies bħala draw ġust biż-żewġ timijiet jaqsmu l-logħob għall-ħinijiet twal tal-partita.

Kienu Hibernians li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti Dunstan Vella temm azzjoni personali billi serva lil Jurgen Degabriele li kellu x-xutt bid-dawra  minn qagħda ideali jintemm barra.

Iżda kienu Santa Lucia li, fis-seba’ minuta, fetħu l-iskor propru fl-ewwel azzjoni perikoluża li ħolqu meta wara li rċieva minn cross ta’ Victor Filho, FRANCISCO FARIA, għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun fix-xibka.

Huma komplew jippressaw u fl-24 minuta Alan da Silva Souza, li kellu partita mill-aqwa, kellu xutt insidjuż jispiċċa ftit barra.

Hibernians bdew jagħfsu għall-goal tad-draw u fit-32 minuta rnex­xielhom jagħ­mlu l-iskor indaqs permezz ta’ LEANDRO ALMEIDA, li wara li rebaħ ballun mitluf, venven xutt b’saħħtu mill-viċin li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper, Julani Arhcibald, isalva.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Hibernians ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jis­kor­jaw il-goal tal-vantaġġ u mas-siegħa logħob, Wilfried Domoraud għadda tajjeb lejn Jake Grech li mix-xellug kellu x-xutt tiegħu li ħareġ l-aħjar ta’ Archibald li wettaq save brillanti wara li ntefa’ minn tulu fl-art fejn salva f’żewġ tentattivi.

Santa Lucia wieġbu fit-78 minuta meta back pass erratiku tas-sostitut Zachary Grech, ipprovda lil Alan da Silva Souza bil-possibbiltá li jaqbeż lil Andrei Agius, qabel għadda lejn Vito Plut li fuq il-ġirja falla l-mira bi ftit.

Fit-82 minuta Wilfried Domoraud kellu t-tentattiv tiegħu għall-Pawlisti li stampa mal-mimduda, biex mir-rebound Zachary Grech kellu x-xutt tiegħu mblukkat  minn Archibald.

Żewġ minuti biss wara, Jurgen Degabriele kellu f’saqajh il-goal tar-rebħa għat-team minn Raħal Ġdid iżda x-xutt tiegħu minn po­żizzjoni ideali intemm inkreddibilment barra.

HIBERNIANS: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap (11-Bjorn Kristensen 27), 4-Leandro Almeida, 6-Raphael dos Anjos, 8-Jake Grech (7-Ayrton Attard 77), 10-Jurgen Degabriele (19-Francis Mensah 90), 12-Dunstan Vella, 18-Thaylor Aldama (13-Zachary Grech 77), 20-Andrei Agius, 22-Gabriel Artiles, 88-Wilfried Domoraud   – Coach: Stefano Sanderra

STA LUCIA: 18-Julani Archibald, 6-Nicholas Pulis, 5-Jurgan Pisani, Francisco Farias (9-Vito Plut 40), 8-Patrick Silva, 24-Liam McKay (14-Jan Tanti 58), 10-Alan da Silva Souza, 98-Kieran Xuereb, 17-Victor Filho, 22-Jamie Zerafa (27-Andreas Vella 90), 23-Dexter Xuereb   – Coach: Oliver Spiteri

REFEREE: Emanuel Grech

ASS. REFEREES: Alan Camilleri, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Matthew De Gabriele

SKORERS: F. Faria 7 (SL), L. Almeida 30 (V)

AMMONITI: R. Dos Anjos, J. Gech, A. Agius, A. Attard (H), J. Pisani, J. Archibald (SL)

     PLAYER TAL-LOGĦBA: Alan da Silva Souza (Santa Lucia)

Ekonomija

Sport