Wednesday, July 24, 2024

“Il-leaks jinkwetawni għax idaħħlu dubju fil-proċess ġudizzjarju”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Wara l-aħħar żviluppi marbuta mal-inkjesta dwar l-isptarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza fuq ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-preżunzjoni tal-innoċenza. Huwa qal  illi l-ġustizzja trid titwettaq mingħajr ebda mottivi warajha iżda biss li jsir il-ħaqq u s-sewwa.

Meta dan is-sit staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela jaħsibx li l-leaks li kien hemm jew seta’ kien hemm mill-inkjesta jinkwetawhx, huwa ddikjara li l-leaks jinkwetawh għaliex idaħħlu dubju fil-proċess ġudizzjarju. “Idaħħlu dubju fl-indipendenza, fl-awtonomija u fl-eżitu ta’ dan il-proċess,” qal il-PM. 

Huwa tenna li hu minnu li din kienet investigazzjoni però fl-istess ħin investigazzjoni m’għandhiex issir witchhunt. “Investigazzjoni ma ssirx b’metodi li ma jixirqux lil stat demokratiku membru tal-UE. Dażgur li jinkwetawni. It-timeline, il-leaks, id-data, is-siegħa li fiha l-maġistrat għalqet l-inkjesta u bagħtitha għand l-Avukat Ġenerali. Dak it-timeline jinkwetak fuq l-eżitu, fuq il-konklużjonijiet.”

Enfasizza wkoll: “mhux qed ngħid fil-konfront ta’ kulħadd. Fil-konfront ta’ wħud fiż-żgur u nkun f’qagħda aħjar meta nara l-proċess verbal kollu. Sakemm ma jiġix xi ħadd u jgħidli li l-interpretazzjoni korretta hija li jista’ jkollok timeline li jintuża biex jiddetermina x’għandu jkun ir-riżultat tat-8 ta’ Ġnju imma mbagħad dak l-istess raġunament għat-timeline ma ntużax għall-mertu. Dak probabbli x’jgħid il-Kap tal-PN jew x’jgħidulu biex jgħid.”

Madankollu, il-Prim Ministru qal li min huwa mmexxi mill-buon sens fil-ħajja u min għandu ftit sens f’moħħu se jagħmel il-konklużjonijiet tiegħu. 

Ekonomija

Sport