Fl-aħħar diskors li għamel wara r-riżenja mhux mistennija tiegħu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista ġimagħtejn ilu, Bernard Grech ġie rrapportat li qal li huwa kien qed jirriżenja biex jagħti spazju lil xi ħadd ieħor biex jasal fejn ma wasalx hu. Grech għamel din l-asserzjoni ftit wara li huwa stess qal li saħħaħ lill-partit u bi prova ta’ dan semma’ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Ġnju tas-sena l-oħra.
Din l-istqarrija narawha bħala kemmxejn kontradittorja għaliex filli jgħid li saħħaħ il-partit għax naqqas id-distakk mal-Partit Laburista u f’daqqa waħda qal li falla u ma wasalx fejn kellu jasal. Ammissjoni bħal din ma tantx smajnieha minn xi mexxej ieħor ta’ partit politiku f’Malta. Almenu Grech kien raġel biżżejjed biex jirrikonoxxi li f’ċertu mumenti huwa ma wassalx lill-PN fejn kellu jwasslu bħala Kap.
Dan huwa l-legat li se jħalli warajh Bernard Grech. Issa sta għal min ġej warajh biex jaħdem ħalli l-PN ikun verament partit ta’ oppożizzjoni denja u allura Gvern alternattiv. Nafu li din mhux se tkun biċċa xogħol faċli għal min se jinħatar Kap, iktar u iktar meta l-arroganza li fniet lill-partit minn xi wħud fi ħdanu stess għadha evidenti fil-qalba tal-PN.
Għalhekk il-poplu jistenna illi fejn Grech falla fosthom f’dik li hija dixxiplina interna, ikun il-Kap il-ġdid li jindirizza din il-problema li ilha tkarkar fi ħdan il-PN. Mhux biss fost id-deputati, imma wkoll fost xi membri partikolarment it-tesserati. Dan qed ngħiduh għaliex kif rajna nhar il-Ħadd li għadda stess, waqt li l-Kunsilliera kienu deħlin għal-laqgħa tal-Kunsill Ġnerali li ta bidu għall-proċess għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN, ġurnalisti li kienu qed jaqdu dmirijiethom ġew ridikolati sempliċiment għax staqsew lil kull min kien dieħel jekk kellhomx xi preferenza għal min iridu li jsir bħala Kap. Dan jidher li din il-problema għadha hemm u kemm se ddum aktar ma nafux.
Dawn għandhom jifhmu li l-ġurnalisti għandhom dritt jistaqsu dak li jridu fl-isfond illi f’Malta l-liberta’ tal-istampa hi ħielsa. F’dan il-kuntest, aħna nifhmu u napprezzaw li partit li jkun għaddej minn ċertu taqlib, bla dubju joħloq ċertu emozzjonijiet imma kulħadd għandu jifhem li l-emozzjonijiet m’għandhomx itappnu l-moħħ u jħallu l-qalbhom tiġri bihom.
Nittamaw li l-proċess għall-għażla ta’ Kap tal-PN ikun wieħed serju u dehen ta’ wieħed miż-żewġ partiti ewlenin f’pajjiżna.