Wednesday, April 24, 2024

“Il-leħen ordna lill-ħabib tal-familja biex jabbuża minni bi xkupa” 

Ikompli l-ġuri taż-żagħżugħ mixli bi stupru

Aqra wkoll

10:00 a.m: Omm tirrakkonta kif kienet se tiġi fgata mill-eks sieħeb ta’ bintha 

Meta kompla l-ġuri ta’ żagħżugħ mixli bi stupru, omm l-eks sieħba tiegħu xehdet fil-Qorti illi anke hi kienet tkun abbużata minna wara li qal li kien jiġi ordnat jagħmel hekk mill-‘ispirtu’. 

Hija rrakkontat ukoll kif kienet tiġi msawta jekk ma tagħmilx dak li kienet tiġi ordnata tagħmel, tant li darba minnhom iż-żagħżugħ allegatament aggrediha billi dawwar idejh m’għonqha biex jifgagħha. 

L-omm tat ix-xhieda tagħha permezz ta’ video conference matul il-jum tat-Tlieta fil-ġuri kontra ż-żagħżugħ, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, li qed jiġi akkużat li stupraha fir-residenza tagħha f’Wied il-Għajn.

Huwa jinsab akkużat li ġiegħel lilha u lil bintha biex iwettqu atti ta’ natura sesswali kontra r-rieda tagħhom, li żamm lill-allegati vittmi kontra r-rieda tagħhom, li kkaġuna lil oħt l-eks sieħba tiegħu u lil ommha biża’, u pparteċipa f’attivitajiet seswali ma’ minorenni. 

Il-mara bdiet billi qalet li l-akkużat kien daħal l-ewwel darba fid-dar tagħhom nhar l-1 ta’ Mejju 2018 u baqa’ hemm sal-aħħar ta’ Jannar 2019. Dak iż-żmien bintha kellha 14-il sena meta bdiet toħroġ miegħu.

Qalet li fil-bidu kien dħuli però aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew jinbidlu l-affarijiet fejn beda anke jiddetta u jikkmandaha biex issajjar u tnaddaf. Tgħid li l-akkużat ma kienx jaħdem u finanzjarjament ma kien jikkontribwixxi xejn.

Qalet li lejlet Santa Marija tal-2018, hija kienet rieqda u ħasset l-ilma ġej fuqha. Dakinhar tiftakar li bdiet taqla’ daqqiet ta’ żraben u bdiet tisma leħen l-akkużat li beda jgħajjat u anke lampshade ttir. 

Tgħid li kellha bżonn tmur taqdi l-bżonnijiet tagħha iżda bdiet tisma’ leħen, ġej minn fejn kien l-akkużat jgħidilha “tmurx fit-toilet, għamel fil-gallarija.” Dan il-leħen, kompliet tgħid ix-xhud, kien qalilna li l-akkużat għandu s-setgħa u spirtu miegħu u li se jkun “is-salvazzjoni tal-familja tagħhom.”

11:30 a.m: “Bdejt naqla’ swat aħrax bil-frosta… kont nirċevih fuq dahri u kuxtejja”

Kompliet tispjega li l-vuċi kkmandaha wkoll biex dak il-lejl toqgħod għarkupptejha u tgħid l-att tal-indema filwaqt li ordnalha biex tagħmel atti sesswali mar-raġel tagħha l-għada kif fil-fatt għamlet. 

Qalet li l-vuċi kienet ta’ raġel u ma kinitx tisma’ dan il-leħen meta l-akkużat ma kienx ikun id-dar. Tgħid li fost l-ordnijiet li kienet tirċievi hemm li kienet taqla’ daqqiet ta’ ponn minn bintha f’wiċċha. 

Hija semmiet okkażjoni, lejn l-aħħar ta’ Settembru tal-2018, fejn l-akkużat kien qalilha li se jmur fil-kamra għax ried ikellimha l-ispirtu. Qalet li mbagħad niżel jidħaq u qalilha li kienu għamlu ftehim hu u l-ispirtu. 

Spjega li fix-xahar ta’ Ottubru mbagħad bdiet taqla swat aħrax bil-frosta. “Kont għedtila lit-tifla. Kont nirċevih fuq dahri u kuxtejja. Il-leħen kien jgħidli: ‘Jekk tpejjep, nikkastigak. Jekk ma tinżax se nikkastigak. Preżenti fil-kamra kien ikun hemm l-akkużat u t-tifla.”

Irrakkontat li f’okkażjoni oħra, f’Diċembru, hija ma kinitx raqdet u rat lill-akkużat jiċċaqlaq mis-sodda u bdiet tħoss lil xi ħadd jorbtilha jdejha. Qalet li hija daħlet id-dwiefer f’idu u dak il-ħin semgħet leħen l-akkużat.

Qalet ukoll li t-tifla l-oħra kienet ġiet tgħix magħhom u li l-leħen kien ordna lit-tifla biex tibqa’ d-dar għax inkella jmutu n-nanniet tagħha fejn hi kienet tirrisjedi qabel. Qalet li hi u t-tifla kienu ġew ordnati biex jixrorbu l-whiskey u hekk għamlu. 

12:00 p.m: “Il-leħen ordna lill-ħabib tal-familja biex jabbuża minni bi xkupa” 

Mistoqsija tiftakarx f’inċidenti oħra li kienu saru fid-dar, ix-xhud wieġbet li kien hemm okkażjoni fejn il-vuċi kkmanda lill-ħabib tal-familja biex jabbuża minnha bi xkupa. Żiedet li darba oħra l-akkużat kien qal li l-leħen ordnalu biex jifgagħha bl-imħadda u li kien beda jagħmel hekk. 

“Niftakar li ħin minnhom ridt nara min hu dan l-ispirtu. Neħħejt iċ-ċarruta li kien ikolli quddiem għajnejja u nara lill-akkużat jiġri lejn il-kamra tat-tfal. Għedtlu taf li ġejt tifgagħni u ssawwatni? Qalli: le ta jien il-ħin kollu hawn kont fil-kamra.” 

Il-mara kompliet tgħid li kien hemm okkażjoni oħra fejn il-vuċi ordnat lilha u lit-tifla tagħha biex imorru jġibu xkupa. Qalet li hi kienet għarwiena u qagħdet fuq l-iskrivanija b’saqajha miftuħa. Tgħid li l-vuċi ordnat lit-tifla biex taqbad l-ixkupa u ddaħħalha fil-parti privata tagħha iżda din irrifjutat. 

Allegat li mbagħad l-akkużat kien daħħal l-ixkupa fil-parti tagħha fejn bdiet twerżaq bl-uġigħ u mbagħad ftit tal-ħin wara waqaf. 

12:30 p.m: Spiċċat ostaġġ fil-kamra tagħha stess

Skont ix-xhud, it-tifla kienet ukoll tissawwat bil-frosta. Qalet li lejn l-aħħar ta’ Jannar kienet spiċċat ostaġġ fil-kamra tagħha u kienet taqdi l-bżonnijiet tagħha f’barmil. Tgħid ukoll li l-‘ispirtu kien jeħdilha l-flus.’

Ix-xhud semmiet li kienet issakret fil-kamra tal-banju u belgħet ammont ta’ pilloli. “Lit-tifla għedtilha li ġejjin għalija. Bdejt nisma’ ħafna għajjat mill-akkużat u t-tifla smajtha tgħid li kien waddabha t-taraġ. Imbagħad ħriġt niftaħ lill-infermiera u ħaduni l-isptar b’ambulanza.”

Tgħid li damet xahar l-isptar u meta marret lura l-akkużat ma kienx hemm billi kien arrestat. Qalet li darba oħra kienet ġabet qassis iqaddes fid-dar iżda hija ma kinitx hemm billi kienet għamlet xi żmien rikoverata Monte Carmeli. 

Ix-xhud qalet li lill-akkużat ġieli provat tkeċċih mid-dar, kienet tgħidlu ‘aqbad ħwejeġk u itlaq ‘il barra. Qalet iżda li t-tifla kienet mbagħad kienet tagħmilla x-‘xenati’ u għalhekk kienet titħassarha u żżommu d-dar. 

Ikkonfermat ukoll li bintha u l-akkużat kellhom relazzjoni fiżika flimkien hekk kif l-akkużat kien jgħidilha li bintha kienet “tħobb sess selvaġġ.” 

Għal aktar mistoqsijiet li sarulha, hija qalet li fil-passat kienet ukoll li darba kienet għamlet il-ouija board mar-raġel tagħha filwaqt li kienet għamlet xi żmien tiffrekwenta fortune teller. 

Tenniet li “l-leħen illum sparixxa. Minn Frar tal-2019 ‘l hawn, kien hemm kwiet perfett fid-dar u l-affarijiet ma jiċċaqilqux.” 

Fil-kontro-eżami, l-Avukat Mario Mifsud li qed jidher għall-akkużat staqsieha għaliex wara li għadda kollox kienet bagħtet messaġġ lill-akkużat biex jirranġaw mill-ġdid, bix-xhud tgħid li għamlet dan għax iddejqet tara lil bintha tibki. 

Il-ġuri jkompli.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher parte civile. 

 

Sport