Thursday, May 22, 2025

Il-lezzjoni li tgħallimt malli mmaturajt bħala atleta hija li trid titgħallem tifhem u tħobb il-proċess – Rachela Pace

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet meta kelli erba’ snin. Kont immur nara lil oħti tittrenja, u ġieli kont niddeffes mal-grupp tagħha. Kont noqgħod niġri ‘l hemm u ‘l hawn. Maż-żmien l-atletika saret parti mill-identitá tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fl-Istati Uniti.

Bħalissa qiegħda fl-aħħar sena tiegħi mal-NCAA. Is-sena l-oħra għamilt id-deċiżjoni li nbiddel l-Universitá, u ddeċidejt li mmur ġewwa Texas biex nistudja ġewwa l-Universitá li jisimha UTSA. Ma’ din l-iskola nittrenja ħames darbiet fil-ġimgħa fit-‘track’ u tliet darbiet fil-‘weight room’. Għandi aċċess għal ‘physiotherapy’ kuljum u mmur qabel u wara kull sessjoni tat-taħriġ. L-Universitá tħallas għall-edukazzjoni tiegħi, għall-ikel, għall-kirja tal-appartament, għall-ajruplani u lukandi meta mmorru għall-kompetizzjoni. Apparti mit-taħriġ, ikolli wkoll klassijiet fl-Universitá. Kull semestru jkolli ħames klassijiet kemm onlajn u anke l-iskola stess. Apparti minn hekk, għandi aċċess għall-psikologa u nutrizzjonista wkoll. 

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Ksirt diversi rekords nazzjonali fil-karriera tiegħi, fosthom għandi r-rekord nazzjonali tat-‘triple jump’ kemm tal-adulti, kif ukoll taż-żgħar. Għandi wkoll ir-rekord nazzjonali tal-‘long jump’ tal-adulti u taż-żgħar fil-‘long jump’ ukoll. Meta ġejt l-Amerika rbaħt bosta midalji tal-bronż, fidda, u deheb. Ġewwa l-Amerika, is-sena l-oħra, ikkwalifikajt biex nieħu sehem fil-Kampjonati Nazzjonali tal-NCAA ‘indoors’. F’din il-kompetizzjoni ksibt it-13-il post, jiġifieri spiċċajt it-13 ġewwa l-Amerika. Din is-sena rbaħt il-midalja tad-deheb fit-‘triple jump’ għall-Universitá tiegħi fil-kompetizzjoni ‘AAC Conference Indoors’. Fil-kompetizzjoni AAC Conference Outdoors irnexxieli nikseb il-midalja tad-deheb b’qabża ta’ 13.41m u l-midalja tal-fidda fil-long jump b’qabża ta’ 6.48m. B’dawn il-qabżiet irnexxieli nikser ir-rekords tal-long jump u r-rekords tat-triple jump. Apparti minn hekk irnexxieli nikkwalifika għall-kompetizzjoni ‘regionals’ fejn l-aqwa 48 atleta fl-Amerika jikkompetu kontra xulxin kemm fit-triple jump u fil-long jump. Dik il-kompetizzjoni se ssir fl-aħħar ta’ Mejju.  

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-atletika f’pajjiżna qiegħed jitjieb. Ma’ kull ġenerazzjoni qed ikun hemm pass ‘il quddiem fir-riżultati li qed jinkisbu. Xorta għad fadlilna ħafna fejn nimxu ‘il quddiem, peró sejrin fid-direzzjoni t-tajba.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

It-‘track’ fein isiru l-kompetizzjonijiet hija ‘track’ tajba … l-atleti għandhom ukoll aċċess għall-‘gym’. Peró, hemm bżonn illi jkun hemm iktar fondi lejn l-atleti. Fil-każ tiegħi pereżempju, malli niggradwa mill-Università irrid nara kif se jirnexxieli nħallas il-kirja tal-appartament, nixtri l-ikel, inħallas ił-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u nivjaġġa lura Malta għall-kompetizzjonijiet. Sabiex nibqa’ nittrenja wara li niggradwa irnexxieli insib xogħol, peró dan ix-xogħol se jeħodli ħin mit-taħriġ fl-atletika. Li kieku hemm skema li jgħinu lil-atleti li qegħdin jgħixu barra minn Malta, kieku nkun nista’ nibqa’ niffoka ħafna iktar ħin fuq l-atletika wara li niggradwa. Apparti minn hekk, ikolli ukoll flus biex inħallas għas-safra lura Malta, li bilfors ikolli inħallas biex nikkompeti u nirrapreżenta lil Malta. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Dejjem kont ngħid illi l-għan tiegħi huwa li nikkwalifika għall-Olimpjadi. Peró, għal din is-sena, l-għan tiegħi huwa li nirbaħ midalja għal pajjiżi fil-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-23 sena. Apparti minn hekk, irrid ngħin lil pajjiżi fil-Kampjonat tal-Pajjiżi Ewropej. Nixtieq illi nibdew naraw lill-pajjiżna fil-finali ta’ kompetizzjonijiet barranin, u jiena se nipprova nagħmel lill-pajjiżi kburi bija. Peró, biex jirnexxieli nikseb dan, għandi bzonn għajnuna finanzjarja. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-lezzjoni li tgħallimt malli mmaturajt bħala atleta hija li trid titgħallem tifhem u tħobb il-proċess. Ir-riżultati jaslu waħedhom, peró, mingħajr ma tiffoka fuq il-proċess, ir-riżultati mhux se jkunu dawk li tixtieq. Wara li tirtira, ma tridx tiftakar biss fuq ir-riżultati li ksibt, dik tkun ħela! Imma għandek tiftakar ifs-sagrifiċċji kollha li tkun għamilt, u l-passjoni u l-imħabba li urejt lejn l-isport. L-atletika ma tgħallmekx biss kif taqbeż iktar ‘il bogħod jew kif tiġri iktar malajr. L-atletika tgħallmek ħafna iktar lezzjonijiet importanti fil-ħajja bħal sagrifiċċji, passjoni, motivazzjoni, konsistenza, u kif terġa’ tqum fuq saqajk wara xi sfortuna. L-atletika huwa sport, peró, minnha titgħallem kif issir raġel jew mara b’karattru sod u valuri tajbin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport