Friday, December 13, 2024

IL-LIBERTÀ TAL-ĠUDIKANT FID-DEĊIŻJONIJIET

Aqra wkoll

Wieħed mit-tliet kolonni ewlenin li fuqhom isserraħ id-demokrazija hija l-ġudikatura li l-funzjoni primarja tagħha hi li tassigura l-ġustizzja fis-soċjetà. Huwa imperattiv li l-ġustizzja mhux biss issir imma tidher li qed issir.

Jekk dawn il-prinċipji bażiċi għad-demokrazija jkunu imminati fil-pajjiż, il-liġi tal-ġungla tieħu post is-saltna tad-dritt fejn kulħadd jagħmel li jrid u l-pajjiż jiffaċċja l-periklu li minn demokrazija jsir anarkija. 

Dan qed ngħiduh fl-isfond li ftit tal-jiem ilu, Maġistrat irċeviet ittra anonima ta’ theddid fuq ħajjitha u l-karriera tagħha bħala ġudikant. Dan fil-kuntest illi l-istess Maġistrat irrifjutat milli tirrikuża ruħha f’kawża li għandha quddiemha biex tiddeċiedi dwarha. 

Nagħmluha ċara mill-bidu li atteġġjamenti ta’ din ix-xorta bil-għan li tiġi imminata l-ġudikatura, mhux biss mhawnx postu fil-pajjiż imma wkoll jixhed atteġġjament ta’ dgħufija minn min jagħmlu. 

Il-każ tal-Maġistrat Nadine Lia mhuwiex l-ewwel wieħed li sar f’pajjiżna. Kien hemm membri oħra tal-ġudikatura, inkluż Imħallfin, li għaddew ukoll minn theddid simili bil-għan li jkunu influwenzati fid-deċiżjonijiet tagħhom. 

Nemmnu li l-inkjesta li qed isir dwar dan il-każ għandha titħaffef biex isservi wkoll ta’ deterrent għal min jazzarda b’mod kodard jhedded jew jimmina l-għoti tal-ġustizzja mill-Qrati ta’ pajjiżna.

Nifhmu li l-inkjesta waħedha mhix biżżejjed imma għandu jkun assigurat li l-istat għandu l-mezzi kollha bil-għan li jasal li jsib min kien jew kienet il-persuna fil-każ tal-ittra anonima ta’ dan l-aħħar u kif ukoll ta’ każi li jistgħu jsiru fil-ġejjieni.

Id-demokrazija f’pajjiżna hija b’saħħitha b’tali mod li wieħed jista’ jikkritika deċiżjonijiet tal-Qrati għax fil-fehma tiegħu ma jkunx jaqbel magħhom. Imma bħala pajjiż ċivilizzat ma nistgħu qatt naċċettaw li jsiru attakki fuq membri tal-ġudikatura għax sempliċiment ikunu qed jaderixxu ma’ dak li tgħid il-liġi, biex jassiguraw li ssir ġustizzja b’mod sħiħ u f’kull każ.

Ittri anonimi ta’ theddid huma reat kriminali fihomm infushom u qatt m’għandhoim jintużaw biex jinfluwixxu x’deċiżjoni jieħu ġudikant.  Ġudikant għandu jitħalla fil-liberta li jaqdi l-funzjoni proprja tiegħu skont il-prinċipji tal-ġustizzja. 

Apparti dan, ħadd m’għandu d-don jew fakultà li jaqra l-intenzjonijiet ta’ xi ħadd, speċjalment ta’ xi ġudikant. Għalhekk irridu naraw li kull deċiżjoni tal-Qorti tkun rispettata rrispettivament jekk wieħed jaqbilx magħha jew le. Għax jekk jitħalla t-tkissir tal-prinċipji demokratiċi tkun qed tiġi imminata ċ-ċiviltà ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport