Il-vuċħed u waħda minna hija importanti. F’soċjetà demokratika, kulħadd għandu dritt jesprimi dak li jħoss fil-libertà kif ukoll li jaqsam l-informazzjoni ma’ oħrajn. Għandek ukoll id-dritt li taqbel jew ma taqbilx ma’ oħrajn u li tesprimi dawn l-opinjonijiet fi protesti paċifiċi. Dan ma jfissirx illi l-libertà tal-espressjoni u tal-ħsieb huma a la carte, fejn kulħadd jgħid li jrid u fuq min irid.
Għalkemm dawn id-drittijiet huma sagrosanti ma jfissirx li m’hemmx limitu għalihom ukoll. Dan qed ngħiduh dwar ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fejn anke kien hemm pronunzjamenti ta’ kundanna fil-Qrati Maltin dwar dan. Għalhekk irridu nisħqu illi f’kull kitba jew espressjoni ta’ ħsieb għandu jkun hemm rispett billi dak li jingħad ikun skont il-fatti u mhux fabbrikazzjonijiet u invenzjonijiet. Dan għaliex sitwazzjonijiet bħal dawn jafu jkissru familji u jħallu riperkussjonijiet serji, anke legali, fuq l-imġiba ta’ dak li jkun.
Għalhekk filwaqt li naqblu li m’għandux ikun hemm ċensura rigoruża fuq il-libertà tal-espressjoni, nemmnu illi l-libertajiet għandhom jibqgħu suġġett għal diskussjoni wiesgħa u bilanċjata kemm jista’ jkun sabiex jitneħħew dawk il-lakuni li jistgħu jinsabu fil-liġijiet ta’ pajjiżna. F’dan kollu, il-vuċi ta’ kulħadd għandha tkun mismugħa u mogħtija każ biex l-affarijiet jibqgħu jitjiebu u jiġu aġġornati għar-realtajiet tal-lum meta l-midja soċjali għandha qawwa tremenda u tista’ tinfluwenza kemm pożittivament u anke negattivament fuq persuni oħra.
Nemmnu li l-libertà tal-espressjoni m’għandhiex tħalli vittmi jew twassal għall-assassinju tal-karattru imma għandha qabel kollox tkun ibbażata fuq l-etika meħtieġa.
Dan jgħodd ukoll għall-espressjoni politika u għalhekk nabbraċċjaw dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu illi l-partiġġjaniżmu, partikolarment dak estrem, m’għandux postu fis-soċjetà tagħna u kulħadd jeħtieġ jesprimi ruħu b’rispett, sabiex ħadd ma jiġi mweġġa’ b’allegazzjonijiet foloz.
Il-libertajiet li qed ingawdu minnhom illum bħala soċjetà, m’għandhomx jiġu abbużati jew użati ħażin minn ħadd bl-iskuża li l-libertajiet huma drittijiet. Għaliex id-drittijiet tal-wieħed m’għandhomx jispiċċaw mal-bidu tad-drittijiet ta’ ieħor.