Il-kwistjoni tal-Arctic Metagaz, it-tanker Russu li kien attakkat kmieni filgħodu fit-3 ta’ Marzu kompliet tiżviluppa fl-aħħar sigħat. L-ORIZZONT hu infurmat li minkejja li t-tanker resaq ħafna lejn il-kosta Libjana, kien hemm protesti biex dan ma jiddaħħalx fil-port ta’ Zuwara.
Aktar minn hekk, il-Kumitat tad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali tal-Kamra tad-Deputati Libjana appella għal investigazzjoni komprensiva u trasparenti, f’kooperazzjoni ma’ korpi internazzjonali, dwar l-inċident li jinvolvi t-tanker Russu tal-LNG Arctic Metagaz, li ġie attakkat f’ibħra internazzjonali fil-Baħar Mediterran.
Il-Kumitat Parlamentari Libjan iddikjara li t-tanker abbandunat, li jġorr “merkanzija perikoluża ħafna,” mhux biss joħloq theddida ambjentali iżda jikkostitwixxi wkoll “ksur tas-sigurtà nazzjonali Libjana” u jqajjem mistoqsijiet serji dwar il-protezzjoni tas-sovranità nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu marittimu f’ibħra territorjali.
Id-dgħajsa li tintuża f’każ ta’ emerġenza ddaħħlet f’Malta
Intant id-dgħajsa li tintuża f’każ ta’ emerġenza u li intużat meta t-tanker ġie attakkat, iddaħħlet f’Malta. Hi tinsab il-Marsa. Abbord din id-dgħajsa kien hemm 30 baħri tal-bastimenti li għamlu xejn inqas minn 15-il siegħa fuqha sakemm ġew salvati minn bastimenti li kellu ekwipaġġ Russu.
Kontroversji fil-Libja
Il-Kumitat enfasizza li kwalunkwe azzjoni militari jew ta’ sigurtà f’dan il-qasam mingħajr koordinazzjoni u approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tikkostitwixxi ksur ċar tal-liġijiet nazzjonali u internazzjonali. Il-kumitat ikkundanna l-attakk fuq it-tanker, billi ddikjarah bħala “att terroristiku marittimu” li jhedded is-sikurezza tan-navigazzjoni internazzjonali u jista’ joħloq preċedent perikoluż li jaffettwa l-kummerċ globali fil-Mediterran, u appella għal sforzi internazzjonali konġunti biex jiġu miġġielda theddid bħal dan.
Il-kumitat ċaħad l-allegazzjoni li kienet tgħid li d-drones li intużaw fl-attakk fuq it-tanker telqu mit-territorju Libjan. Minħabba f’hekk huma appellaw għal investigazzjoni urġenti f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet internazzjonali rilevanti biex jiġi ddeterminat is-sors veru tal-attakk u biex tiġi ppreżentata evidenza li tikkonferma jew tiċħad dawn l-allegazzjonijiet. Il-Kumitat afferma d-dritt tal-Libja li titlob kumpens għal kwalunkwe danni ta’ sigurtà jew ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw mill-inċident.
Il-protesti fil-Libja għalqu l-pajp tal-gass…jieqfu mill-protesta u jitilqu wara li ngħataw assigurazzjonijiet
Proprju lbieraħ kmieni filgħodu għadd ta’ ħaddiema minn Mellitah Oil fil-port ta’ Zuwara fil-Libja, il-port li fih kellu jiddaħħal l-Arctic Metagaz, ipprotestaw quddiem l-impjant tal-kumpanija u anke imblukkaw il-grada. Għal xi ħin huma għalqu ukoll il-pajp tal-gass. Xi ħin wara uffiċjali mill-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt Libjana tkellmu ma’ dawk li kienu qegħdin jipprotestaw. Dan seħħ wara li l-istess protestanti fosthom għadd ta’ ħaddiema għalqu il-pajp tal-gass.
Il-Kap tal-Kunsill f’Zuwarah, Ghali al-Tuwayni, għadu kif ikkonferma li l-protestanti telqu mill-kumpless taż-żejt ta’ Mellitah sigħat wara li għalqu l-pajp tal-gass. Dan sar wara wegħdiet mill-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt li tindirizza l-kriżi madwar it-tanker taż-żejt Russu milqut.

