Saturday, December 28, 2024

“Il-liġi assolutament ma tipproteġix li parlamentari jista’ jagħmel reat” – Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, qal li tul is-seduta Karol Aquilina kien protett bil-privileġġi u s-setgħat tad-deputati imma dan ma jfissirx li jkun skulpat milli jiġi investigat ir-reat

Taħt il-Kap. 113 dwar il-privileġġi u s-setgħat tad-deputati, kull membru għandu jingħata protezzjoni kemm meta jkun dieħel biex jaqdi dmirijietu fil-parlament, kif ukoll huwa u ħiereġ. Dwar il-każ li tqajjem dan l-aħħar dwar id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, l-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, qal lil dan il-ġurnal li dakinhar, dan il-membru parlamentari kien diġà fil-parlament u għalhekk waqa’ taħt dan il-privileġġ.

“Jien sakemm ħareġ dak il-filmat, ma kellix informazzjoni dwar dak li kien ġara jew li seta’ ġara. Il-liġi assolutament ma tipproteġix li parlamentari jista’ jagħmel reat. Meta jidħol fil-parlament ma tistax iżżommu milli jidħol jaqdi dmirijietu bħala parlamentari. Imma jekk parlamentari huwa u ġej jew meta joħroġ mill-Parlament jagħmel reat, dan ma jfissirx li jkun skulpat milli jiġi investigat ir-reat,” spjega Farrugia.

“L-Ispeaker ma jipproteġix imma, il-parlamentari li jikser il-liġi jew li jgħidlu prosit jekk ikun kiser il-liġi”

Onor. Anġlu Farrugia

L-Ispeaker tal-Kamra qal li dakinhar Aquilina waqt li kien qiegħed fil-Kamra kellu din il-protezzjoni. Dan, Farrugia kompla jgħid, anke jekk kien il-każ li l-Pulizija kienu barra l-Parlament, il-membru parlamentari hu min hu, huwa dejjem protett li jkompli jaqdi dmiru fil-Parlament.

“Kull membru li jkun ġej il-Parlament ma jistax ikun imfixkel milli jidħol jew milli joħroġ. Il-Pulizija dejjem għandha kull dritt li tinvestiga, jekk ikun il-każ, dak il-membru parlamentari wara li jkun ħareġ barra mill-parlament u dan dejjem jekk kiser jew huwa ssuspettat li kiser il-liġi. Tul is-seduta huwa pprivileġġjat li jagħmel xogħlu. L-Ispeaker ma jipproteġix imma, il-parlamentari li jikser il-liġi jew li jgħidlu prosit jekk ikun kiser il-liġi. Ikollu dritt li jidħol fil-parlament dejjem, biex jagħmel xogħolu,” sostna Farrugia.

L-Ispeaker Farrugia temm billi kkwota l-Artikolu 16 ta’ dik l-iskeda li fiha kull membru tal-Kamra jrid kull waqt, sew jekk ikun ġewwa, kif ukoll meta jkun barra mill-parlament, jara li l-imġieba tiegħu tkun tixhed status ta’ dinjità ta’ din il-Kamra.

Il-kontroversja hi dwar ix-xandir ta’ filmat waqt il-programm “Pjazza”. Fi Pjazza ġie allegat li d-deputat Parlamentari deher isuq b’mod perikoluż fi triqtu lejn il-Belt.

Minn naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar dan il-każ kien iddikjara li “niċħad bl-iktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet ta’ Karl Stagno Navarra fil-konfront tiegħi. B’mod partikolari niċħad li jiena m’obdejtx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Niċħad li jien ksirt xi regolament tat-traffiku. Fil-filmat jidhru żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta jagħmlu sinjal lis-sewwieqa kollha biex il-vetturi jibqgħu għaddejjin bħal ma jseħħ regolarment filgħodu fi Triq Diċembru Tlettax. Niċħad li jiena b’xi mod ipperikolajt ħajjet Pulizija. Il-filmat juri b’mod ċar li jien soqt skont il-liġi u kull meta qlibt minn karreġġjata għal oħra għamilt dan wara li xgħelt l-indicator u soqt b’mod prudenti. Niċħad li jiena f’xi ħin invokajt xi privileġġ parlamentari favur tiegħi. Niddikjara li m’għandi assolutament l-ebda diffikultà li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ Karl Stagno Navarra. Infatti jiena diġà tlabt laqgħa mal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex inwieġeb għal kull mistoqsija li jista’ jkollu u sabiex nagħtih kwalunkwe spjegazzjoni li tista’ tkun meħtieġa.”

Ekonomija

Sport