Monday, May 13, 2024

“Il-liġi tipprovdi anke għal sentenzi karċerarji… kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu”

Il-Ministru Attard jisħaq li m’hemmx bżonn il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali biex tittieħed azzjoni

Aqra wkoll

“Li nara inċident li wassal għat-telfien ta’ ħajja ta’ ħaddiem u kriminalment din ġiet tiswa 25,000 ewro multa… jiena mort niċċekkja xi tgħid il-liġi. Il-liġi tipprovdi anke għal sentenzi karċerarji”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u s-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard f’intervent telefoniku mal-preżentatur u akkademiku Andrew Azzopardi b’rabta mas-settur tal-kostruzzjoni.

Il-Ministru Attard rrimarka dwar dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela meta f’indirizz lill-awtoritajiet, investigaturi u persuni oħra kompetenti talab li tittieħed azzjoni fl-immedjat. “Bħala ċittadin nistenna li nara li ssir ġustizzja. Iġifieri b’differenza milli ġara f’xi ċirkustanzi oħrajn, ħa nagħmila bl-aktar mod ċar, m’hemmx bżonn il-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali biex immexxu”, kompla biex jgħid il-Ministru Attard.

Huwa żied biex jikkummenta fuq l-inċidenti b’mod ġenerali għax filwaqt li tajjeb li ma jikkummentax fuq inċident partikolari jew fuq każijiet li diġà nqatgħu bil-qrati tajjeb li jesprimi l-ħsieb tiegħu bħala ċittadin aktar milli bħala Ministru. Huwa qal li hemm bżonn riflessjoni għax tara ċertu sentenzi li wkoll hemm bżonn riflessjoni fuqhom.

Hawnhekk huwa saħansitra żied jgħid li l-ewwel ħsieb tiegħu kien li jiċċekkja l-kotba tal-liġi biex jara xi jgħidu f’dan ir-rigward u biex jara jekk hemmx il-ħtieġa ta’ intervent leġiżlattiv.

Mistoqsi minn Azzopardi jekk jarax li l-qorti mhijiex qiegħda tkun biżżejjed iebsa fis-sentenzi tagħha, il-Ministru Attard qal li filwaqt li jagħżel li ma jagħmilx ċertu kumment hemm numru ta’ kummenti fuq fomm ċittadini li qed jistennew li l-liġijiet eżistenti jiġu applikati biex verament tkun tista’ ssir ġustizzja.

“Mhux qed nitkellem fuq il-każ partikolari, però jekk irridu riflessjoni oġġettiva, ta’ fejn irridu mmorru, ta’ responsabiltà, tat-tibdil fil-kultura, trid tkun across the board. Għax aħna ngħixu f’pajjiż fejn hawn is-saltna tad-dritt, għandek l-istituzzjonijiet, għandek il-branki, li huwa l-leġiżlattiv, l-eżekuttiv, il-qrati tagħna… ejja ħalli kulħadd jerfa’ l-parti tiegħu, qed nkun ċar ħafna naħseb”, temm jgħid il-Ministru Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport