Il-Partit Nazzjonalista ilu ma jissottometti l-kontijiet tiegħu sa mis-sena 2020, hekk kif l-Kap Bernard Grech ikompli jinsisti li l-partit qed jistenna lill-awditur biex jiffinalizza l-kontijiet.
Skont il-website tal-Kummissjoni Elettorali, il-Partit Nazzjonalista għandu neqsin id-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet għas-snin 2021, 2022, 2023 u 2024. Il-Partit Nazzjonalista għandu neqsin ukoll ir-rapporti ta’ donazzjonijiet li ngħata fis-snin 2022, 2023 u 2024.
Il-Kap Nazzjonalista qal lit-‘Times of Malta’ li s-sitwazzjoni hija identika għal dak li kien qal kważi sitt xhur ilu: li l-partit qed jistenna lill-awditur biex jiffinalizza l-kontijiet.
“Trid tapprezza li l-PN huwa entità kumplessa, u għalhekk hemm ħafna x’irid isir fir-rigward ta’ kontijiet,” qal il-Kap Nazzjonalista.
Meta mistoqsi jistax jipprovdi data ta’ meta se jkunu sottometti l-kontijiet, Grech wieġeb li hu ma jħobbx jagħti termini.
“Nippreferi politika matura fejn dak li nista’ inwiegħed, inwegħdu. Dak li ma nistax inwiegħed ma nwegħdux. Imma inkompli inwiegħed li dawn il-kontijiet jiġu pubblikati malajr kemm jista’ jkun possibbli.”
Minn meta Grech sar Kap tal-Partit Nazzjonalusta f’Ottubru 2020, il-partit naqas milli jissottometti l-kontijiet.
Dan t’hawn fuq huwa traduzzjoni ta’ dak li ġie rappurtat f’paġna 4 tal-ħarġa tal-ġurnal ‘Times of Malta’ tal-Ġimgħa, 30 ta’ Mejju 2025, bit-titlu Il-PN għadu jwaħħal fl-awditur għan-nuqqas tas-sottomissjoni tal-kontijiet tiegħu….Bernard Grech wiegħed li jkunu pubblikati ‘kemm jista’ jkun malajr possibbli’
Nhar il-Ħadd li għadda ONE News irrapporta l-istess affarijiet.
Imma ngħid jien il-liġijiet għalfejn qegħdin hemm? Sempliċiment biex jinkisru u ma jittieħdu ebda passi? Sempliċiment għall-parenza?
U skużi ta, mill-istazzjon u mill-midja tal-Partit Laburista mhux riproduzzjoni ta’ x’ikun ippubblika ħaddieħor nistenna. Nistenna li ONE News jgħidilna x’qed jagħmel il-Partit Laburista fil-konfront ta’ sitwazzjoni bħal din. Jgħidilna x’qed jagħmel il-Partit Laburista fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista li fi ftit kliem il-Kap tiegħu qed jgħid f’wiċċ kulħadd li jiġi jaqa’ u jqum mil-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti. Liġi li Gvern Laburista jiftaħar bil-kbir li kien hu li daħħal fil-pajjiż imma li fir-realtà s’issa rriflettiet biss kelb jinbaħ imma ma jigdimx. U li ma ssarrafx daqs kemm tiswa’ l-karta li fuqha hija miktuba.
Il-Partit Laburista huwa distint mill-Gvern, minkejja li huwa Gvern Laburista. Il-Partit Laburista għandu ANKE HU JIEQAF lill-Gvern fuq sitwazzjoni bħal din.