Wednesday, December 25, 2024

Il-linja tal-ajru Pollakka LOT se tibda titjiriet minn u lejn Malta

Aqra wkoll

Mis-16 ta’ April 2025, il-linja tal-ajru Pollakka LOT se tibda titjiriet skedati lejn Malta erba’ darbiet fil-ġimgħa – it-Tlieta, l-Erbgħa, is-Sibijiet u l-Ħdud.

Għal din l-aħbar irreaġixxew il-Kap Eżekuttiv ta’ LOT Polish Airlines Michał Fijoł u l-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.

Fijoł qal li b’din ir-rotta ġdida, il-passiġġieri jistgħu jaslu Malta fi tliet sigħat u jgawdu mis-sbuħija li joffri dan il-pajjiż. “Din il-konnessjoni ġdida tiftaħ l-aċċess għan-network vast ta’ LOT Polish Airlines biex b’hekk l-ivvjaġġar ikun aktar konvenjenti,” huwa żied jgħid.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Alan Borg qal li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’sodisfazzjon jilqa’ t-tnedija ta’ dawn it-titjiriet bejn Malta u l-Varsavja. Qal li s-suq Pollakk huwa wieħed b’saħħtu għal pajjiżna u din ir-rotta se tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet u l-konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi.

Fuq il-midja soċjali, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo wkoll laqa’ din l-aħbar. Qal li s-sinjifikat ta’ din l-aħbar huwa wieħed importanti ferm għal fejn irridu naslu.

“Din il-konnettività ser issaħħaħ il-potenzjal li jkollna turisti ta’ kwalità ogħla mill-Polonja li jiġu f’pajjiżna għal skopijiet ta’ kummerċ jew konferenzi. It-tendenza ta’ dawn it-tip ta’ viżitaturi hija li jħallu nefqa tajba ħafna kkumparat ma’ segmenti oħrajn,” qal il-Ministru Bartolo.

“Din il-konnettività permezz ta’ LOT, ser tippermetti li nkomplu ntejbu l-konnettività indiretta mal-Amerika ta’ Fuq u l-Asja. Dan ifisser li pajjiżna ser ikun iżjed aċċessibbli għal turisti li jridu jiġu minn ajruporti li ttir minnhom din l-istess linja tal-ajru: New York JFK, Newark, Chicago, Los Angeles u Miami fl-Amerika ta’ Fuq, Toronto fil-Kanada, kif ukoll Tokyo Narita, Seoul Incheon u ajruporti oħra f’Beijing fost oħrajn.

“Ir-riżultati qegħdin juruna li qegħdin fit-triq it-tajba. Għax irkuprajna qabel iż-żmien previst u qabel pajjiżi oħra kompetituri tagħna, illum għandna l-lussu li nagħżlu x’tip ta’ turist irridu għal pajjiżna. Għalhekk ħarsitna ‘l quddiem biex naħdmu iżjed għal turiżmu ta’ kwalità ogħla matul is-sena kollha,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Ekonomija

Sport