Monday, December 22, 2025

Il-livell tal-alkoħol fuq l-imputat kien ta’ madwar 5 darbiet aktar minn dak stabbilit mil-liġi

Marokkin jibqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti ta’ Għawdex li weġġa’ gravi ħames persuni f’inċident tat-traffiku

Aqra wkoll

“Il-livell tal-alkoħol meta sar breathalyzer test fuq l-imputat kien ta’ 105g/l meta limitu f’pajjiżna biex wieħed isuq hu ta’ 22g/l.”

Hekk spjega l-Ispettur Prosekutur Keith Xerri waqt li quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tressaq Hassane Soutra, Marokkin ta’ 53 sena residenti Marsalforn.

Hu ġie akkużat li nhar il-Ħadd li għadda kmieni filgħodu weġġa’ gravi ħames persuni f’inċident tat-traffiku quddiem il-Maxtura fi Triq ta’ Marsalforn.

Soutra ġie mixli li weġġa’ gravi lil Kurt Galea, lil Ayrton Vella, lil Dana Lautier, lil Roberta Abela, David Cuschieri. Waħda mill-persuni li weġġgħet gravi hija s-sieħba tal-imputat li fil-ħin tal-inċident kienet fil-karozza miegħu.

L-imputat ġie mixli wkoll li wettaq ħsara fuq vettura li mhux irreġistrata fuq ismu, li saq l-istess vettura b’veloċità eċċessiva u li anke saq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Permezz tal-avukata tiegħu Delilah Vella, Soutra wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

F’awla mimlija ġenituri jibku u qraba tal-persuni li weġġgħu f’dan l-inċident, l-Ispettur Keith Xerri qal li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tat-2.45am daħlet telefonata fl-Għassa tar-Rabat li quddiem il-Maxtura kien għadu kemm seħħ inċident u kien hemm xi persuni feruti.

Qal li l-pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn dak il-ħin fil-Maxtura kien qiegħed jintemm party organizzat mill-GUG għal dan iż-żmien tal-Milied.

Quddiem il-Qorti l-Ispettur Prosekutur qal li bħalissa fit-Triq ta’ Marsalforn qegħdin isiru xi xogħlijiet fit-triq, “iżda fil-parti fejn seħħ l-inċident ma hemmx xogħlijiet għaddejjin.”

L-Ispettur Xerri qal wieħed mill-vittmi jinsab f’qagħda kritika u jista’ jitlef ħajtu. Spjega li fl-aħħar sigħat saru numru ta’ interventi mediċi fuq l-imsemmi vittima.

Min-naħa tagħha l-avukat difensur Dr Vella qalet li kienet qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona mill-ewwel. Dr Vella qalet li l-imputat jaħdem fil-kostruzzjoni u dejjem mar għax-xogħol. Qalet li qatt ma kellu problemi mal-Pulizija filwaqt li ilu 9 snin jgħix f’pajjiżna. Spjegat li hu għandu sieħba li qiegħed jgħix magħha, u tista’ tippreżenta kuntratt ta’ kerha li fuqu hemm imniżżel li l-imputat jgħix hemm.

L-Ispettur Xerri irribatta billi qal li hija verità li l-imputat għandu sieħba li qiegħed jgħix magħha, “iżda l-Marokk għandu familja oħra u għalhekk hemm biża’ ċara li jaħrab mill-pajjiż.” Spjega li jekk jaħrab mill-pajjiż hu ferm diffiċli biex jinġieb lura minħabba li l-Marokk hu pajjiż terz.

L-Ispettur Xerri qal lill-Maġistrat Frendo Dimech li għad hemm numru ta’ persuni li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri fosthom il-vittmi. Qal li hemm xhud partikolari li rnexxielu jwaqqaf lill-imputat milli jibqa’ jsuq għax kieku ma sarx hekk kien se jibqa’ sejjer.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet il-Maġistrat ordnat li l-imputat għandu jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

L-Ispettur Keith Xerri mexxa l-Prosekuzzjoni, l-Avukat Dr Delilah Vella mexxiet id-difiża filwaqt li l-avukat Dr Francesca Zarb dehret għal waħda mill-vittmi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport