Monday, August 11, 2025

‘Il-logħba tal-futbol sabiħa wisq u qatt m’għandek tieqaf tieħu lezzjonijiet minnha’ – Mario Azzopardi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont żgħir ta’ madwar seba’ snin jekk mhux sejjer zbaljat, niftakar kont nara ħafna futbol mal-familja tiegħi speċjalment ma’ missieri. Kien hu li tani l-passjoni tal-futbol. Niftakar tlajt l-ewwel darba l-grawnd nara logħba futbol lokali maz-ziju, li jiġi ħu missieri, fejn bdejt insegwi iktar il-logħba lokali bis-saħħa tiegħu.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tal-goalkeepers ta’ Zebbug Rangers FC.

Ir-rwol tiegħi huwa responsabbiltá kemm mal-goalkeepers kif ukoll mat-tim. Dan qed ngħidu minħabba l-fatt illi jiena nagħmel parti minn staff tekniku fejn ngħinu lil xulxin fejn ikun hemm bżonn.

Kemm taħdem mill-qrib mal-kowċ Saviour Debono Grech u l-assistent tiegħu Alessandro Ciantar?

Se nkun qed naħdem ħafna mill-qrib magħhom. L-ewwelnett nirringrazzja lill-kowċ Saviour Debono Grech u l-klabb ta’ Zebbug Rangers FC tal-fiduċja li tawni biex naħdmu flimkien. Minn laqgħat li għamilna s’issa jidher biċ-ċar li se jkollna relazzjoni tajba u lesti li nitgħalmu u naqsmu l-esperjenzi ma’ xulxin. Fil-futbol li nitgħallem mingħand ħaddieħor u naqsam l-esperjenzi nħoss li hija waħda mir-rigali tal-logħba.

X’tiikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istagun li ghadda, u x’inhuma l-aspettattivi għall-istaġun li ġej?

Rigward l-andament tal-istaġun li għadda nemmen li hemm affarijiet li wieħed irrid jevalwa u jitgħallem minnhom. Il-futbol għallimni biex inħares ‘il quddiem u naħdem bil-filosofija tiegħi li hija li nagħti l-100% tiegħi f’kull sessjoni ta’ taħriġ u l-logħba. B’hekk inkun qed nittrażmetti l-karattru tiegħi lill-plejers. L-aspettattivi ta’ dan l-istaġun huma li nimxu u nikbru flimkien kull logħba u matul l-istaġun naraw kif inkunu u fejn nistgħu naslu. Qed inħarsu lejn l-istaġun li ġej b’ottimiżmu minħabba li t-tim li għandna qed juri sinjali pożittivi li lest li jaħdem u jagħmel sagrifiċċji. Hemm ambjent sabiħ ħafna bejn plejers ta’ esperjenza u plejers li huma ‘minors’ li qegħdin jagħmlu parti mill-iskwadra tal-kbar.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Fil-preżent nemmen li l-logħba Maltija kibret, kemm fil-livell ta’ plejers u wisq iktar fil-livell ta’ kowċis. Il-coaching education hawn Malta kiber ħafna wkoll. Jekk wieħed jara l-logħbiet lokali jinduna li mhux biss il-Malta Premier peró anke d-diviżjonijiet l-oħra, ukoll kibru. Li żdiedu l-plejers barranin u hemm diversi timijiet li qed jagħtu diversi ċansijiet lil players Maltin jikbru hija xi ħaġa pożittiva. Nemmen li għadd baqa’ ħafna xogħol xi ssir speċjalment fil-kwalitá ta’ logħob biex niġu għal-livell iktar għoli.

U dak tar riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Nemmen li rigward grawnds fejn jitħarrġu l-plejers hemm bżonn li ċerti timijiet ikollhom grawnd ta’ livell aħjar. Qed nitkellem kemm bħala pitch u anke bħala ‘size’ tal-grawnd. Fir-rigward tal-grawnds fejn isiru l-logħob nemmen li huma tajba għalkemm hawn xi grawnds li hemm bżonn li jiġu midjura minħabba l-livell ta’ dawl u l-art sintetika.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Inħares lejn il-futur tiegħi b’ottimiżmu. Kull staġun li qed nagħmel fil-futbol, qed nitgħallem u nikber minnu flimkien mat-technical staff li nkun qed naħdem miegħu. Nixtieq li nibqa’ nitgħallem u nagħmel il-liċenzji meħtieġa tal-kowċing. Nixtieq li fil-futur nasal fejn nixtieq u jkolli iktar suċċessi ta’ livell għoli u s-sagrifiċċji tal-lum ikunu l-frott ta’ għada.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi … biex wieħed jagħmel suċċess irid jagħmel ħafna sagrifiċċji fejn jitgħallem u jgħallem b’mod konsistenti. Il-logħba tal-futbol sabiħa wisq u qatt m’għandek tieqaf tieħu lezzjonijiet minnha!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport