Monday, December 23, 2024

Il-logħob eċċessiv qed jgħejja lill-players

Aqra wkoll

Madwar 20 sena ilu, wieħed mill-aqwa players fid-dinja ammetta li kien għajjien wisq minn ħafna football. 

“Mhux biss għajjien, jien imfarrak,” qal Patrick Vieira wara li lagħab 66 partita fl-istaġun 2003/04. “Ma tantx nista’ nqum bil-wieqfa xi drabi. Inweġġa’ dahri, saqajja, inweġġa’ kullim­kien.” U mbagħad ġrat xi ħaġa pjuttost stramba: Il-FIFA u l-UEFA fil-fatt semgħu din il-karba!

Fil-fatt, ġimagħtejn wara, il-kap mediku tal- FIFA, Jiri Dvorak, saħansitra ssuġġerixxa li għandu jkun hemm limitu għal kemm-il darba xi ħadd għandu jilgħab matul staġun minħabba l-ammont ta’ injuries mingħajr kuntatt. 

“Hemm regoli dwar in-numru massimu ta’ sigħat kuljum li tista’ ssuq trakk, iżda m’hemm l-ebda regoli għall-players,” huwa qal. “Linji gwida dwar in-numru ta’ logħob fi staġun ikunu ta’ benefiċċju għalihom billi jżommuhom b’saħ­ħithom kemm jista’ jkun.”

U l-UEFA x’ qalet? Ukoll, dik l-istess sena dde­ċidiet li tħassar it-tieni fażi tal-gruppi taċ-Champions League wara li l-esperti mediċi tagħha rabtu n-numru għoli ta’ injuries qabel u matul it-Tazza tad-Dinja tal-2002 – inklużi Zinedine Zidane, David Beckham u Robert Pires – ma’ play-ers oħra li kienu qed iweġġgħu.

Imma dak kien fil-passat. Issa, il-logħbiet diġà huma ferm itwal minħabba l-minuti żejda milgħuba fil-ħin miżjud. U matul il-31 xahar li ġejjin, il-logħba se tiġi estiża aktar, b’Champions League estiża, Tazza tad-Dinja tal-Clubs komposta minn 32 team u mbagħad Tazza tad-Dinja bi 48 team – sensiela twila ta’ logħob bi ftit pawsa għall-aqwa players sa Lulju 2026.

U l-akbar ironija? Il-FIFA u l-UEFA, il-korpi governattivi li suppost jipproteġuhom, huma dawk li ‘jagħfsu bil-ferħ il-buttuni’ biex il-players jilagħbu aktar logħob.

Dan ifisser li Phil Foden, li diġà lagħab 36 logħba dan l-istaġun – aktar minn kull player Ingliż fil-Premier League – jista’ jispiċċa jilgħab ‘il fuq minn 200 logħba fil-31 xahar li ġejjin. Dan minbarra li jekk Manchester City javvanzaw fl-FA Cup u ċ-Champions League, u l-Ingilterra tilħaq is-semi-finali tal-Euro 2024, Foden jilgħab 40 logħba oħra dan l-istaġun.

Il-Professional Footballers Association (PFA) fl-Ingilterra tqis li l-istaġun li ġej il-players ewlenin jistgħu jilagħbu sa 86 logħba minħabba  it-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tal-FIFA se tkun estiża għal 32 team, li tispiċċa fit-13 ta’ Lulju 2025.

U bilkemm se jkun hemm ħin biex tirkupra qabel l-istaġun tal-Premier League 2025/26, segwit mit-Tazza tad-Dinja fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku.

M’għandekx bżonn dottorat fix-xjenza tal-isports biex tbassar x’se jiġri. Wisq football iwassal għall-players li jkunu aktar għajjenin. L-għejja twassal għal ċans akbar ta’ logħbiet ta’ kwalità fqira u aktar injuries. U aħna, bħala spettaturi, qed inħallsu għal prodott agħar. Rajnieha f’xi partiti tal-FA Cup ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Il-players kienu għajjiena. Tista’ twaħħal fihom jew tiġġudikahom?

Bosta huma dawk il-partitarji li jargumentaw li ftit logħob żejjed fis-sena huwa prezz żgħir li wieħed iħallas għal salarji li jaqbżu £250,000 fil-ġimgħa. 

Il-FIFA tiċħad ukoll li kalendarju estiż tal-partiti jirriskja l-benesseri tal-players, bil-kap tal-iżvilupp tal-football tagħha, Arsene Wenger, riċentement sostna li t-teknoloġija medika, in-nut­rizzjoni u l-prevenzjoni tal-injuries kollha tjiebu b’mod drammatiku fl-aħħar 20 sena.

Madankollu, f’xi punt din issir mhux biss kwistjoni ta’ fiżjoloġija iżda filosofija. Kemm-il logħbiet fi staġun huma meqjusa bħala żejda? 100? 120?

Il-logħba trid toqgħod attenta wkoll biex tipproteġi l-akbar stilel tagħha. Is-sena li għaddiet rapport mill-għaqda internazzjonali tal-players, FIFPRO, sab li Jude Bellingham kien lagħab aktar minn 30% aktar minuti ta’ football kompetittiv sa meta jagħlaq 20 sena mindu kien jilgħab Wayne Rooney fl-istess età. Sakemm Kylian Mbappé għalaq 24 sena kien lagħab 26,952 minuta – 48% minuta aktar minn Thierry Henry fl-    istess età.

Żgur li l-players ma jidhrux li jaqblu ma’ Wenger. Id-difensur ta’ Manchester United, Ra­phael Varane, tkellem dwar talbiet ta’ xogħol “pe­rikoluż”, filwaqt li Bernardo Silva wissa li tant logħob iwassal għal telf ta’ enerġija u intensità.

Il-PFA tgħid li dan huwa s-suġġett li jolqot l-aktar id-dressing rooms. Wieħed jifhem li l-biċċa l-kbira tal-players jippreferu ma jitkellmux dwarha għax japprezzaw il-fatt li għandhom  xogħol privileġġat u li permezz tiegħu jaqilgħu ħafna flus.

Madankollu, il-kap eżekuttiv tal-PFA, Maheta Molango, wissiet li l-players kienu lesti jieħdu azzjoni legali għax ma jħossuhomx protetti. Mod wieħed li qed jiġi esplorat huwa d-deċiżjoni riċenti tal-qorti tal-ġustizzja Ewropea dwar is-Super League Ewropea, li tissuġġerixxi li s-setgħat u l-awtoritajiet tal-FIFA u l-UEFA għandhom ikunu limitati.

Aktar players għandhom pubblikament jitkellmu kontra staġuni estiżi. Għandhom jitolbu waqfa garantita ta’ erba’ ġimgħat bejn l-istaġuni. U għandhom iħeġġu lill-FIFA u lill-UEFA biex jitkellmu ma’ esperti biex jiddeterminaw kemm logħbiet huma meqjusa bħala żejda.

Sadanittant, jekk il-players tal-lum jeħtieġu xi inċentiv biex ikunu aktar kuraġġużi, jistgħu jħarsu lejn il-passat. 

Tlieta u sittin sena ilu dan ix-xahar, 344 player inġabru fil-Grand Hotel f’Manchester biex jiddiskutu azzjoni industrijali fuq il-paga massima ta’ £20 fil-ġimgħa. “Hemm ħafna f’din il-kamra mhux lesti li jilagħbu għal dan l-ammont ta’ flus?” staqsa l-winger ta’ Blackburn – u aktar tard ma­nager tal-Iskozja – Ally McLeod. “Le!” wieġbu l-players, fost għajjat li tant kienu qawwija li Jimmy Hill kien qal bħal donnhom kienu ġejjin “mill-Kop”.

Jumejn wara l-paga massima ġiet skrappjata – u l-istrajk twaqqaf. Forsi hemmhekk kien hemm lezzjoni, li għadha relevanti għal-lum il-ġurnata: il-qawwa tal-player tabilħaqq taħdem!

Ekonomija

Sport