Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?
L-imħabba tiegħi għaċ-ċikliżmu bdiet meta kont tifel żgħir u kont insuq ma’ missieri max-xatt fi tmiem il-ġimgħa jew wara l-iskola.
X’tikkummenta fuq il-parteċipazzjoni tagħkom bħala Team Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra fil-jiem li għaddew?
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kienu suċċess kbir għaċ-ċikliżmu Malti. Għamilna tellieqa mill-aqwa, u animajnieha mill-bidu sat-tmiem. Jien personalment kelli tim biex nipprova ngħin lill-‘climber’ tagħna jagħmel l-aħjar tiegħu meta jasal fil-qiegħ tat-telgħa. Kellna kontinġent qawwi, għalhekk dan ir-riżultat huwa importanti ħafna għaċ-ċikliżmu Malti fil-futur. Malta marret tassew tajjeb!
Liema suċċessi ewlenin oħra ksibt fil-karriera tiegħek s’issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Li nkun ċiklist nazzjonali Malti liebes il-flokk nazzjonali ma’ tim professjonali tal-UCI kien l-akbar suċċess fil-karriera tiegħi sa issa. Għalkemm ilbist dan il-flokk f’livell kontinentali fis-sena ta’ qabel, li nilbsu f’livell pro-kontinentali inqisu tassew bħala mument ewlieni.
Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell taċ-ċikliżmu f’Malta żgur li qed jitjieb. Kelli l-privileġġ mhux biss li nara, iżda li nesperjenza direttament dan it-tkabbir fil-kompetizzjoni bejn iċ-ċiklisti fl-aħħar 3-4 snin. Nara xewqa mill-atleti żgħażagħ Maltin infushom u nittama li din il-ġenerazzjoni li jmiss tibbenefika mill-attenzjoni u t-tkabbir li dan l-isport qed jara f’Malta.
U xi ngħidu dwar ir-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala ċiklist professjonali għandi ammont tajjeb ta’ riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħi u kura mit-tim tiegħi (Polti VisitMalta). Dan huwa evidenti kemm fit-tlielaq kif ukoll fit-taħriġ.
Kif qed tħares il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Ninsab eċċitat għas-sentejn li ġejjin mat-tim tiegħi – biex inkompli nikber u nitgħallem matul il-perkors tal-vjaġġ tiegħi!
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jibdew jipprattikaw iċ-ċikliżmu.
Lill-atleti żgħażagħ kollha – il-messaġġ finali tiegħi jkun li nkomplu nuru passjoni, ħeġġa u determinazzjoni. Nitlobkom tieħdu vantaġġ mill-inizjattivi taċ-ċikliżmu attwali fis-seħħ, fosthom tlielaq immexxija mill-klabbs u l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, kif ukoll il-programm ‘Żerniq Bir-Rota’ imniedi mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Fuq kollox, gawdu ċ-ċikliżmu. L-ewwel trid tgawdi l-isport qabel ma tipprova tikseb suċċess fih. Is-suċċess ma jiġix mil-lum għal għada – kun motivat, iżda kun dixxiplinat l-ewwel!