Saturday, December 21, 2024

Il-Lombard Bank immultat €340,000 fuq ksur ta’ regoli kontra l-ħasil tal-flus

Aqra wkoll

Il-Financial Intelligence Unit (FIAU) immultat lil Lombard Bank €340,058 fuq ksur ta’ regoli kontra l-ħasil tal-flus.

Fi stqarrija li nħarġet ilbieraħ filgħaxija l-bank qal li l-FIAU kienet innotat nuqqasijiet waqt spezzjoni li kienet wettqet f’Settembru  u Ottubru tas-sena li għaddiet.

Il-Bank tenna li l-ksur fl-obbligazzjonijiet kienu ta’ natura amministrattiva u ma jirrelatawx ma’ suspetti jew evidenza ta’ ħasil ta’ flus. Dan filwaqt li tenna li se jkun qed jappella mid-deċiżjoni tal-FIAU.

L-FIAU sabet li l-bank kien kiser ħames proviżjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

F’każ minnhom il-Bank kien naqas milli jaċċerta s-sors ta’ fondi ta’ klijent meqjusa bħala persuna esposta politikament.

L-ispezzjoni tal-FIAU rriżultat fis-sejbien ta’ tliet fajls oħrajn li kienu neqsin minn informazzjoni adegwata dwar is-sors ta’ ġid.

L-ispetturi kienu sabu wkoll nuqqasijiet f’dak li huwa reviżjonar li jsir kull tant żmien ta’ fajls, bl-FIAU fir-rapport tagħha tesprimi tħassib li mhux id-dokumentazzjoni kollha tal-bank kienet waħda ċentralizzata.

Ġew innotati wkoll nuqqasijiet mill-Bank fl-iskrutinizzar ta’ transazzjonijiet li kienu jsiru fil-kontijiet tal-klijenti.

Ekonomija

Sport