Wednesday, May 8, 2024

“Il-Maġġoranza tal-istabbilimenti mhux favur li jilqgħu klijenti mlaqqmin biss” – L-ACE

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Stħarriġ kkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Catering Maltija minn fost il-membri tagħha juri li l-maġġoranza tagħhom mhumiex qegħdin jilqgħu l-aħbar b’rabta mat-tnaqqis tal-miżuri għal dawk li jilqgħu biss persuni vvaċċinati. Din l-aħbar ġiet ppreżentata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li spjega li din l-emenda tidħol fis-seħħ mid-9 t’Ottubru li ġej.

Skont l-istħarriġ, 86.3 fil-mija ta’ dawk li pparteċipaw qalu li mhumiex lesti li jilqgħu biss klijenti li jippreżentaw il-vaċċin tat-tilqim. 90.3 fil-mija minn dawn jemmnu li l-inċentivi proposti proposti mid-Deputat Prim Ministru fit-28 ta’ Settembru ma jiġġustifikawx tali miżura.

77.8 fil-mija ta’ dawk li pparteċipaw insistew li l-ħaddiema tagħhom mhumiex f’pożizzjoni li jadattaw għall-miżuri proposti. Fil-fatt huma żiedu li huma biss 65.3 fil-mija dawk li kkonfermaw li l-ħaddiema tagħhom huma mlaqqmin kompletament.

L-istqarrija żżid tgħid li 87.7 fil-mija ta’ dawk li rrispondew għal dan l-istħarriġ iħossu li l-miżuri qed ikomplu jkissru l-industrija ladarba pajjiżna ddikjara li laħaq l-immunità f’Lulju li għadda. L-ACE qalet li l-istħarriġ ikompli jirrifletti l-insistenza tagħha mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika waqt diskussjonijiet li miżuri simili kienu jkunu ideali qabel intlaħqet din il-mira tant importanti. Żiedet tgħid li biex tali miżuri kienu jkunu ġġustifikati, l-istabbilimenti li jaqblu magħhom kellhom jiġu eżentati minn restrizzjonijiet bħalma huma d-distanza soċjali bejn l-imwejjed u kemm jistgħu jpoġġu persuni fuq l-istess mejda.

L-Assoċjazzjoni temmet tgħid li filwaqt li tifhem l-għan wara l-miżuri u l-importanza tat-tilqim, fl-opinjoni tagħha, il-miżuri mħabbra kellhom ikunu aktar sensittivi għas-sitwazzjoni li għaddejjin minnha r-ristoranti bħalissa b’rabta mar-riżorsi umani u l-impjegati tagħhom.

Sport