Friday, November 22, 2024

Il-maġġoranza tal-MPE jitolbu li tieqaf il-koperazzjoni u l-finanzjament lill-Gwardja tal-Kosta Libjana

Aqra wkoll

F’dibattitu fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Frontex, tal-UNHCR, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-NGOs, il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Ewropej li kienu qed jieħdu sehem insistew li l-Libja mhix “pajjiż sigur ”għall-iżbark ta’ nies salvati fuq il-baħar u talbu li l-koperazzjoni mal-gwardja tal-kosta Libjana tieqaf.

Il-parti l-kbira tal-kelliema rrikonoxxew l-isfidi li jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-fruntiera li jirċievu l-biċċa l-kbira tal-immigranti u dawk li jfittxu l-ażil li jaħarbu mil-Libja, partikolarment l-Italja u Malta, u enfasizzaw li s-sistema komuni Ewropea tal-ażil għandha bżonn titranġa, b’enfasi fuq is-solidarjetà fost l-istati membri u r-rispett tal-liġi internazzjonali. 

Oħrajn għamluha ċara li l-istati membri għandhom id-dritt li jipproteġu l-fruntieri tagħhom, speċjalment f’nofs kriżi tas-saħħa bħal dik attwali. Madankollu, kien hemm min ikkritika l-għeluq tal-portijiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u saħqu li n-nies ma jistgħux jitħallew jegħrqu.

Skont il-UNHCR, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja hi estremament ikkumplikata minħabba l-intensifikazzjoni tal-ġlied, il-kriżi tal-Coronavirus u n-numru kbir ta’ immigranti ekonomiċi, refuġjati u persuni spustjati internament li għandhom bżonn għajnuna umanitarja u materjali. Madwar 1,500 persuna għadhom fiċ-ċentri ta’ detenzjoni f’kundizzjonijiet tal-waħx, id-detenzjonijiet arbitrarji għadhom isiru, u  ġew sospiżi l-iskemi ta’ risistemazzjoni f’pajjiżi ġirien tal-iktar nies vulnerabbli.

Mill-bidu tas-sena, 3,277 persuna waslu l-Italja bil-baħar u 1,135 f’Malta. Fl-1 t’April, l-Operazzjoni navali tal-UE Irini ħadet post l-Operazzjoni Sophia, bl-enfasi tal-Operazzjoni Irini tkun fuq l-infurzar tal-embargo fuq l-armi għal-Libja, f’tentattiv li tikkontribwixxi għall-paċi fil-pajjiż.

Sport