Thursday, October 9, 2025

IL-MAĠĠORANZA TAL-POPLU SODISFATT BIS-SERVIZZI SOĊJALI F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Mill-aħħar stħarriġ uffiċjali li sar dwar is-servizzi soċjali f’Malta irriżulta li l-maġġoranza kbira tal-Maltin indikaw il-kuntentizza taghhom dwzr il-livell tas-servizzi soċjali offruti f’pajjiżna.

Dan jikkuntrasta bil-qawwi ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra bħar-Renju Unit u l-Amerika fejn mhux biss is-servizzi soċjali qed jonqsu fil-kwalità imma anke fin-numru. Fl-istess waqt li fl-istess pajjiżi qed jiżdiedu t-taxxi.

Min-naħa l-oħra, f’pajjiżna għandna sitwazzjoni pożittiva għaliex bnejna ekonomija reżiljenti li mhux biss tiflaħ għax-xokkijiet internazzjonali imma wkoll hija f’qagħda li ttejjeb il-benefiċċji soċjali filwaqt li ma tnaqqas xejn mid-dħul tan-nies.

L-istħarriġ li sar mill-Professur Vincent Marmarà kellu l-għan li jidentifika x’jaħsbu l-Maltin dwar il-livell tas-servizzi soċjali li l-Gvern qed joffri. Bil-ħidma li qed issir mill-Gvern qed jonqsu in-nies li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali. Din hija turija li l-faqar ġewwa pajjiżna kulma jmur qiegħed ikompli jonqos. 

Mill-istħarriġ ħareġ li l-maġġoranza tan-nies juru livell ta’ sodisfazzjon għoli għas-servizzi soċjali mogħti f’pajjiżna u dan kien attribwit għal 3.63 minn massimu ta’ 5 punti. Huma l-aktar in-nisa li jirċievu benefiċċji soċjali b’dawk il-persuni ‘l fuq minn 66 sena huma l-aktar dipendenti fuq benefiċċji soċjali.

F’dan l-isfond nemmnu li l-Budget 2026 li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, se jkun wieħed li tassew jixhed l-element qawwi ta’ Gvern soċjalista. 

Dan għaliex nemmnu li bħalma sar fil-Budgets preċedenti, dan il-Budget se jkun fih miżuri soċjali li jolqtu faxex differenti tas-soċjetà. Fi ftit kliem, nemmnu li dan se jkun Budget b’enfasi partikolari fuq it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi, fejn l-akbar għajnuna se tkun qiegħda tingħata lil min jiflaħ l-inqas.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport