F’Diċembru li ġej, it-Teatru Manoel se jippreżenta mill-ġdid il-verżjoni oriġinali tal-ballett tant maħbub tal-Milied, The Nutcracker, imtella’ minn Moveo Dance Company. Ix-xow se jkun qed jittella’ kuljum mit-Tnejn, 8 ta’ Diċembru sal-Ġimgħa, 12 ta’ Diċembru, fis-7:30 ta’ filgħaxija, filwaqt li t-Tnejn se jkun hemm ukoll matinée fl-4:30 ta’ waranofsinhar.
Din il-produzzjoni ta’ The Nutcracker, taħt id-direzzjoni ta’ Dorian Mallia, bil-koreografija tiegħu wkoll, tirrifletti l-viżjoni artistika ta’ Moveo Dance Company, li hija mmexxija minn Dorian Mallia u Diane Portelli. Il-ballet se jittella’ kemm minn grupp ta’ żeffiena żgħar li jagħmlu parti minn Moveo Junior Company, kif ukoll minn apprentisti u żeffiena ta’ stoffa li jagħmlu parti minn Moveo, b’Lara Mizzi fir-rwol ta’ Clara u Zashaya Zammit bħala n-Nutcracker titulari. Il-produzzjoni evolviet b’mod sinifikanti mill-produzzjoni ta’ The Nutcracker tas-sena l-oħra. B’disinn tas-sett ġdid fjamant, ta’ Aleksandra Idowiak, l-udjenza se tkun qiegħda tiddaħħal f’dinja tal-meravilji ġewwa ħanut tal-logħob gustuż u mhux tas-soltu. Il-ballett se jkollu koreografija ġdida, partikolarment iż-żieda tal-Pas de Deux ikonika tax-Sugar Plum Fairy, li bis-saħħa tagħha se jkun qed jiddaħħal element ta’ ballett klassiku fl-istil kontemporanju tal-verżjoni ta’ Moveo.
The Nutcracker issa saret waħda mill-iktar balletti popolari ta’ kull żmien. Il-kompożizzjoni ta’ Pyotr Ilych Tchaikovsky, imżewġa mal-koreografija kontemporanja ta’ Dorian Mallia se ssarraf fi produzzjoni perfetta għal udjenzi ta’ kull età. Din il-produzzjoni, bi storja li tista’ tinftiehem u tingħaraf sew, hija aċċessibbli għal dawk li huma ġodda għad-dinja taż-żfin, filwaqt li mill-banda l-oħra, in-natura elevata tal-koreografija se tkun qed tfisser esperjenza unika u ta’ gost għal dawk li huma iktar familjari ma’ dan il-ġeneru.
Il-ballett The Nutcracker se jittella’ sitt darbiet, bejn it-8 u t-12 ta’ Diċembru. Ix-xow, bl-esklużjoni tal-intervall, hija twila madwar siegħa u kwart. Il-prezz tal-biljetti jvarja minn €10 sa €30, u jistgħu jinxtraw online minn fuq is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/the-nutcracker/, mill-Box Office tat-Teatru Manoel jew billi ċċempel fuq in-numru: (+356) 21246389.

