Is-sena 2025 ġabet magħha sfidi kbar għall-avjazzjoni internazzjonali minħabba numru ta’ kunflitti, inkluż fil-Lvant tal-Mediterran. Dan l-iżvilupp kellu effett fuq ir-rotot tal-avjazzjoni f’dan ir-reġjun hekk kif spazji tal-ajru kellhom jingħalqu jew jiġu evitati sabiex tkun imħarsa s-sigurtà ta’ dawk kollha li jivvjaġġaw. F’dan il-kuntest, il-Malta Air Traffic Services (MATS) laħqet numri rekord ta’ titjiriet li użaw l-ispazju tal-ajru Malti tul il-vjaġġ tagħhom. Dan il-fattur fisser li l-MATS kellha rwol importanti biex tinżamm il-kontinwità, is-sigurtà u l-istabbiltà tan-network Ewropew.
F’Ġunju tas-sena l-oħra fejn kien hemm żieda fl-instabbiltà fil-Lvant Nofsani, il-Flight Information Region (FIR) ta’ Malta esperjenza żieda bla preċedent fit-traffiku tal-ajru, b’livelli rekord f’numru ta’ ġranet konsekuttivi. Permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib man-Network Manager u pajjiżi ġirien, l-Area Control Centre (ACC) ta’ Malta sar element ċentrali fir-rispons Ewropew għal din il-kriżi, u għen biex jitnaqqas id-dewmien u jinżamm stabbli l-operat ta’ numru ta’ linji tal-ajru internazzjonali. Minkejja l-pressjoni kbira fuq ir-riżorsi u l-impatt fuq l-operat tal-ajruport, il-professjonalità u l-flessibbiltà tal-ħaddiema tal-MATS żguraw li s-servizz baqa’ sigur, effiċjenti u affidabbli matul dan il-perjodu impenjattiv.
Dawn iċ-ċifri u r-riżultati tħabbru waqt żjara li għamel il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett. F’din l-okkażjoni, il-Ministru Bonett ħabbar ukoll li minbarra rekord fin-numru ta’ ajruplani li użaw l-ispazju tal-ajru Malti, pajjiżna esperjenza rekord ukoll fin-numru ta’ ajruplani li niżlu u telgħu fl-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta, xhieda tal-konnettività wiesgħa li llum igawdi minnha pajjiżna.
Il-Ministru Bonett spjega kif kull ajruplan li jgħaddi miż-żona tal-ajru Maltija jikkontribwixxi finanzjarjament u għalhekk żieda fin-numru ta’ ajruplani li jużaw dan l-ispazju jfisser dħul akbar għall-pajjiż. Huwa ħabbar li “dalwaqt ser ikun hemm investiment ta’ madwar nofs miljun ewro biex ikollna l-aktar teknoloġija moderna fil-control tower li tiflaħ għad-domanda ta’ xogħol li qed ikollu l-MATS”. Huwa temm b’ringrazzjament lill-ħaddiema li qed ikunu strumentali għal pajjiżna bix-xogħol tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MATS Claude Mallia qal, “L-aħħar sena poġġiet is-sistema ta’ navigazzjoni tal-ajru ta’ Malta taħt pressjoni straordinarja, b’żieda fl-over flights, aktar minn dak mistenni. Fiż-żmien li ġej, il-MATS ser tkabbar l-investiment tagħha fir-riżorsi umani u avvanz teknoloġiku sabiex tkompli ssaħħaħ ir-rwol strateġiku tagħha fl-avjazzjoni Ewropea u tipprovdi servizz dejjem aktar sigur, effiċjenti u modern.”

