Saturday, January 31, 2026

Il-Malta Blackball Federation torganizza l-lejla ta’ preżentazzjoni

Aqra wkoll

Il-Malta Blackball Federation organizzat il-lejla ta’ preżentazzjoni biex tirrikonoxxi s-suċċessi miksuba matul is-sena 2025 mit-timijiet nazzjonali Maltin u minn plejers individwali f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Din il-lejla serviet bħala ċelebrazzjoni tal-ħidma, id-dedikazzjoni u l-passjoni li wasslu biex Malta tikseb riżultati prestiġjużi fuq livell dinji u Ewropew.

Il-premjijiet ingħataw mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onorevoli Clifton Grima, li faħħar l-impenn kontinwu tal-atleti u l-kontribut tagħhom biex ikomplu jgħollu l-livell tal-Blackball f’pajjiżna, filwaqt li jirrappreżentaw lil Malta bl-aħjar mod possibbli.

Matul il-Kampjonati Dinjija tal-International Blackball Federation li saru f’Malta, il-plejers Maltin spikkaw b’wirjiet mill-aqwa. Lydan Debono rebaħ iċ-champion tad-dinja tal-IBF fil-kategorija tal-irġiel, filwaqt li Jesmond Schembri u Chris Mills ġew inkurunati champions IBF +50 fid-doubles. Jake Castaldi u Dielyn Edwards kisbu wkoll suċċess kbir meta rebħu t-titlu Dinji IBF fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena fid-doubles.

Suċċessi oħra importanti waslu fil-Kampjonati Ewropej tal-EBA li saru fl-Irlanda, fejn Mevrick Zammit sar Champion Ewropew EBA tal-irġiel. Steven Muscat u Nordai Desira kisbu t-titlu ta’ EBA fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena fid-doubles, u komplew jikkonfermaw il-livell għoli tal-plejers Maltin.

Prestazzjoni storika waslet ukoll mit-Tim Nazzjonali Seniors +40, li rebaħ it-titlu EBA tal-istess kategorija ta’ eta’. It-tim kien immexxi minn Darren Micallef bħala Team Manager u kien magħmul minn Raymond Caruana, Josef Tabone, Chris Tabone, Stephen Mangion, Lee Grima u Antoine Schembri, li kollha taw kontribut għal dan is-suċċess kollettiv.

Is-sena 2025 kienet waħda memorabbli wkoll għat-Tim Nazzjonali U15, li kiseb suċċess doppju fuq livell Ewropew u internazzjonali. It-tim rebaħ it-titlu EBA ta’ taħt il-15-il sena u sussegwentement rebaħ ukoll in-Nations Cup EBA tal-istess kategorija ta’ eta’ fir-Renju Unit. It-tim kien immexxi minn Robert Attard bħala Team Manager u kien jinkludi lil Jake Castaldi, Dielyn Edwards, Nick Muscat u Denzel Falzon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport