Il-Malta Boat Show, organizzat minn Yachting Malta, għal darb’oħra biddel Dockyard Creek fil-Kottonera f’ċelebrazzjoni vibranti ta’ innovazzjoni u stil ta’ ħajja marittima.
It-tieni edizzjoni tal-Malta Boat Show uriet li dan l-avveniment, f’sena biss kiber b’mod sinifikanti, billi estenda l-firxa tiegħu mhux biss f’Bormla, iżda wkoll fil-Birgu u l-Isla, u b’hekk għaqqad b’mod effettiv it-Tlett Ibliet storiċi.
Sinjal tat-tkabbir kontinwu tal-industrija, l-avveniment ta’ din is-sena kważi irddoppja fid-daqs, fejn laqa’ 47 esebitur ġdid u 32 oħra li rritornaw mill-2024. Ta’ min isemmi tliet esebituri barranin: tnejn mill-Italja u wieħed minn Franza – li ħadu sehem ukoll, u enfasizzaw l-attrazzjoni internazzjonali dejjem tikber tal-avveniment. Kien introdott ukoll kunċett ġdid, The Dome, li laqa’ wkoll serati ta’ divertiment bil-parteċipazzjoni ta’ DJs ewlenin fosthom The-element, CF1, Glenn Frantz u Miriana Belfiore. Xi ħaġa oħra ġdid din is-sena kien il-pont minn naħa għall-oħra tal-Boat Show li żied l-aċċessibbilità.
Il-firxa estiża tal-esibizzjoni waslet għal aktar tipi ta’ dgħajjes, superjottijiet, inġenji marittimi, servizzi, inklużi dawk legali u korporattivi, u prodotti ta’ lifestyle, li kkonsolidaw lil Malta bħala punt ta’ referenza kruċjali fil-Mediterran għal dik li hi l-eċċellenza marittima. L-attendenza tal-pubbliku rddoppjat ukoll meta mqabbla mal-edizzjoni tas-sena li għaddiet, u turi x-xewqa dejjem tikber lokali u internazzjonali għal wirja marittima ta’ klassi dinjija f’Malta.
Dan it-tkabbir sar possibbli grazzi għall-appoġġ b’saħħtu tal-Gvern ta’ Malta, partikolarment mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi taħt l-Onor. Dr Chris Bonett. L-appoġġ minn entitajiet governattivi ewlenin – fosthom Transport Malta u Infrastructure Malta – assigura ħidma mingħajr xkiel, sigurtà msaħħa u koordinazzjoni infrastrutturali effiċjenti waqt l-avveniment.
Yachting Malta estendiet ukoll ir-ringrazzjamenti tagħha lil bosta imsieħba strateġiċi u organizzazzjonijiet li kkontribwew għas-suċċess tal-wirja, fosthom l-American University of Malta, u Palumbo Shipyards li ġenerożament ipprovdew aċċess għall-bini tagħhom; il-Malta Food Agency, li arrikiet l-esperjenza kulinarja tal-avveniment; u Grand Harbour Marina, li ospitat it-taqsima ewlienija tas-super yachts. L-appoġġ tagħhom wera l-isforz kollaborattiv meħtieġ biex jitwassal avveniment ta’ dan l-iskop f’ambjent storiku u loġistikament kumpless.
Żieda importanti għal din l-edizzjoni kienet it-tnedija tal-Enemed VIP Experience, kunċett premium ta’ ospitalità li offra punti ta’ osservazzjoni esklussivi, żoni riservati u ospitar dedikat. L-inizjattiva intlaqgħet b’entużjażmu mill-pubbliku u malajr saret waħda mill-aktar elementi popolari tal-avveniment.
L-interess internazzjonali kien ukoll ferm aktar qawwi. Gazzetti barranin rinomati – fosthom IBI News (Renju Unit), Yacht Revue (Awstrija) u Barche Magazine (Italja) – kienu xi wħud mill-pubblikazzjonijiet rinomati fl-industrija li kienu preżenti wkoll għall-wirja, irrapurtaw b’mod estensiv u ltaqgħu mal-partijiet kollha interessati, u b’hekk saħħew il-profil marittimu ta’ Malta. Dawn wrew il-kapaċità tal-gżejjer li jospitaw avvenimenti marittimi fuq skala kbira.
Meta tkellem wara l-avveniment, iċ-Chairman ta’ Yachting Malta l-Onor. Chris Agius, irrimarka:
“L-espansjoni ta’ din is-sena mat-Tlett Ibliet kollha, flimkien ma’ rekord ta’ attendenza u interess internazzjonali, turi l-importanza dejjem tikber tal-Malta Boat Show. Il-kollaborazzjoni bejn il-gvern, l-industrija u l-komunità marittima kienet ta’ valur kbir, u aħna kburin li se nkomplu nuru l-offerta marittima ta’ Malta skont standards internazzjonali.”
Għalkemm rinnovat b’ideat u aspetti ġodda, il-Malta Boat Show mhux qed jibda mill-ġdid, iżda qed jibni fuq il-wirt ta’ wirjiet preċedenti waqt li jgħolli l-livell permezz ta’ kurazzjoni bir-reqqa, parteċipazzjoni usa’, preżenza aktar b’saħħitha fil-media u involviment akbar tal-gvern. L-ambjent storiku tal-Malta Boat Show – f’dik li hi l-milja tal-identità marittima ta’ Malta – jipprovdi sfond uniku u adattat għal avveniment li jkompli jevolvi b’ambizzjoni u enerġija.
Bis-suċċess ta’ din is-sena, il-Malta Boat Show wera mhux biss ir-rilevanza tiegħu, iżda wkoll il-mument f’waqtu. Jista’ jitqies bħala pjattaforma kummerċjali u kulturali importanti għall-ekosistema marittima ta’ Malta, li turi innovazzjoni, talent u opportunità fil-qalb tal-Mediterran.
“Meta nirriflettu fuq dak li ntlaħaq din is-sena u nanalizzaw ir-riżultati li nkisbu, l-ippjanar għall-Malta Boat Show tal-2026 diġà jinsab qrib. Yachting Malta se tkompli tibni fuq dan il-momentum u ttejjeb aktar il-kalibru tal-wirja,” ikkonkluda Michael Mifsud, CEO ta’ Yachting Malta.
Il-Malta Boat Show 2025 kien appoġġjat mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Transport Malta, Infrastructure Malta, American University of Malta, Grand Harbour Marina, Enemed, Enemalta, Palumbo Shipyards, u l-Malta Food Agency. Appoġġ addizzjonali ngħata wkoll mill-kunsilli lokali ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu u kif ukoll mill-Fondazzjoni Kottonera.
Għal aktar informazzjoni, żur www.yachtingmalta.org jew segwi lil Yachting Malta fuq il-midja soċjali għall-aġġornamenti u highlights.

