Il-Malta FA, permezz tad-Dipartiment tal-FSR tagħha se tieħu sehem fit-tournament Ewropew ġdid għar-refuġjati, l-UNITY EURO Cup, li qed tiġi organizzata mill-UEFA flimkien mal-UNHCR.
Il-UEFA u l-UNHCR, l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, qed jużaw il-qawwa tal-football biex jibnu futur aħjar għar-refuġjati u n-nies spostati fl-Ewropa.
It-tournament se jsir għall-ewwel darba fl-2022, filwaqt li tmien timijiet tal-assoċjazzjoni nazzjonali se jikkompetu għall-UNITY EURO CUP inawgurali fil-Kwartieri Ġenerali tal-UEFA f’Nyon, l-Isvizzera.
Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju, timijiet ta’ refuġjati mħallta minn madwar l-Ewropa se jingħaqdu għall-kompetizzjoni ta’ ħbiberija biex juru u jiċċelebraw is-setgħa tal-football biex isaħħaħ ir-rabtiet bejn il-komunitajiet ospitanti u l-persuni spostati, billi jkissru l-ostakli u jinħoloq spirtu ta’ inklużjoni.
Timijiet mill-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Malta, ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Iżvizzera se jkunu akkumpanjati minn ambaxxaturi illustri mid-dinja tal-football, bi tfal u familji lokali jistgħu jaraw l-azzjoni fil-Colovray Stadium f’Nyon.
Kull team se jkun kompost minn 70% refuġjati u 30% players mhux refuġjati, filwaqt li jippromwovi kif il-football jista’ tabilħaqq isaħħaħ ir-rabtiet bejn il-komunitajiet ospitanti u r-refuġjati.
Min huma l-ambaxxaturi tat-tournament?
L-Awstrija – Marc Janko (ex player internazzjonali)
Belġju – Mbo Mpenza (ex player internazzjonali)
Franza – Laura Georges (ex player internazzjonali)
Il-Ġermanja – (għad irid jiġi kkonfermat)
Italja – Demetrio Albertini (ex player internazzjonali)
Malta – Christian Damiano (ex player internazzjonali)
Ir-Repubblika tal-Irlanda – Stephen Kenny (coach tat-team nazzjonali tal-irġiel)
Żvizzera – Murat Yakin (coach tat-team nazzjonali tal-irġiel)
Kollox se jibda fis-2.00pm, biċ-chairman tal-Kumitat tar-Referees tal-UEFA Roberto Rosetti, li kkontrolla l-finali tal-EURO 2008, se jmexxi l-finali tat-tournament.
It-tlugħ tal-polox tat-tournament, li huwa riżultat konkret tal-ftehim ta’ sħubija bejn l-UNHCR u l-UEFA ffirmat is-sena l-oħra, sar aktar kmieni llum. Il-leġġendi tal-football Nadine Kessler u Zvonimir Boban dehru f’xandira diretta speċjali lit-timijiet parteċipanti. Malta se tkun qed tilgħab fi Grupp 2 flimkien mal-Belġju, il-Ġermanja u l-Italja.