Il-Malta FA ppubblikat stqarrija biex tiċċara l-pożizzjoni attwali rigward il-logħbiet tas-semi-finali tal-Meridianbet FA Trophy:
“Il-kalendarju uffiċjali tal-kompetizzjoni, inklużi d-dati għas-semi-finali, ġie ppubblikat f’Awwissu 2025 u minn dakinhar kien disponibbli għall-clubs parteċipanti kollha.
“Wara talbiet riċenti mressqa minn Valletta FC u Gżira United FC biex jiġu posposti l-logħbiet skedati tas-semi-finali, l-MFA daħlet f’diskussjonijiet mal-clubs kollha involuti, u tathom l-opportunità li jilħqu ftehim aċċettabbli għaż-żewġ naħat.
“Minkejja dawn l-isforzi u d-djalogu miftuħ, ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim bejn il-clubs.
“Fid-dawl ta’ dan ir-riżultat, u skont ir-regolamenti stabbiliti u l-kalendarju tal-kompetizzjoni ppubblikat qabel, l-MFA kkonfermat li l-logħbiet tas-semi-finali se jipproċedu kif skedat oriġinarjament.
“Hija prattika stabbilita tal-MFA li meta jiġu ppubblikati l-logħbiet, għall-Integrità u l-FairPlay, tikkunsidra biss bidla fil-logħbiet jekk ikun hemm qbil reċiproku bejn il-partijiet kollha. Sfortunatament f’din l-okkażjoni, ma setax jintlaħaq ftehim bħal dan.
“L-Assoċjazzjoni tibqa’ impenjata li tiżgura t-trasparenza, u l-ġustizzja mar-regolamenti tagħha fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet kollha.”

