Saturday, December 21, 2024

Il-Malta FA titkellem dwar ir-reġistrazzjoni ta’ plejers żgħażagħ

Aqra wkoll

Il-Malta FA rreferiet għal stqarrija għall-Istampa maħruġa mill-Malta Football Players Association aktar kmieni llum dwar ir-reġistrazzjoni ta’ players żgħażagħ.

Rigward dan, saru passi sinifikanti minn żmien meta r-reġistrazzjoni ta’ plejer żagħżugħ ta’ 14-il sena kienet iżżommu marbut mal-istess klabb sakemm jagħlaq il-21 sena sakemm il-klabb ma kienx lest jeħilsu.

Mill-2020 il-ħlas tal-hekk imsejjaħ kumpens tan-Nursery ma jibqax jitħallas meta plejer jiċċaqlaq ma’ klabb fi tmiem xi wieħed mill-perjodi ta’ reġistrazzjoni, ta’ 15 u 19-il sena. Barra minn hekk, il-kumpens tat-taħriġ għall-plejers dilettanti jitħallas biss jekk u ladarba jkunu rreġistrati bħala professjonisti skont ir-regoli tal-FIFA.

Dan grazzi għal djalogu kontinwu fi ħdan forum li jeżisti proprju għal dan il-għan, jiġifieri l-Kumitat tad-Djalogu Soċjali, li jlaqqa’ rappreżentanti ta’ klabbs u plejers, u għalhekk l-MFPA stess.

Każijiet individwali fejn plejers żgħażagħ ma jitħallewx jiċċaqilqu bejn klabbs fil-perjodu obbligatorju ta’ reġistrazzjoni tagħhom mhumiex neċessarjament jirriflettu s-sistema kollha.

L-isport huwa kuntest speċifiku fejn id-drittijiet individwali u kollettivi fil-logħob għandhom jiġu bbilanċjati bil-ħsieb li jinżammu livelli ta’ parteċipazzjoni għolja filwaqt li jiġu salvagwardjati l-iżvilupp u l-investiment fih.

Filwaqt li l-Assoċjazzjoni tirrikonoxxi li dejjem hemm lok għal titjib, jeħtieġ li tiżgura li kwalunkwe tibdil propost għall-qafas regolatorju tagħha jseħħ wara diskussjoni li tirrifletti l-interessi tal-partijiet interessati kollha involuti. F’dan is-sens, l-Assoċjazzjoni llum il-ġurnata hija ferm aktar miftuħa biex tirċievi l-fehmiet tal-istakeholders tagħha, kif ippruvat minn żviluppi riċenti miksuba, grazzi għall-kontribut tal-plejers u r-rappreżentanti tal-klabbs.

Bħalissa qed jiġu diskussi proposti dwar kif il-qafas regolatorju jista’ jittejjeb u l-partijiet ikkonċernati, inkluża l-MFPA, qablu li jerġgħu jiltaqgħu fil-ġimgħat li ġejjin biex jiddiskutu aktar il-kwistjoni.

Ekonomija

Sport