Saturday, November 23, 2024

Il-Malta FA u Assikura Insurance Brokers iġeddu l-isponsorship tal-kompetizzjonijiet tal-futbol tan-nisa

Aqra wkoll

Assikura Insurance Brokers PCC Limited ħabbru li estendew għal staġun ieħor il-ftehim mal-Malta Football Association dwar l-isponsorship tal-kompetizzjonijiet tal-futbol tan-nisa fil-livell ta’ seniors u dak taż-żgħażagħ.

Permezz ta’ dan il-ftehim li jikkonsolida l-kollaborazzjoni pożittiva mal-Malta FA b’appoġġ sħiħ għall-futbol tan-nisa, Assikura Insurance Brokers ikkonfermaw ruħhom bħala l-isponsors tal-kompetizzjonijiet ewlenin tal-futbol tan-nisa għat-tielet sena konsekuttiva.

Il-ftehim jinkludi l-Kampjonat Assikura tan-nisa, l-Assikura Knock-Out u anke s-Super Cup flimkien mal-Assikura Women’s Youth League u Knock-Out. L-unuri individwali abbinati ma’ dawn il-kampjonati wkoll jagħmlu parti minn dan il-ftehim, prinċiparjament l-aqwa plejer ta’ kull xahar tal-Assikura Women’s League u Assikura Women’s Youth League, u l-Assikura Women’s League Coach of the Round.

Dr Angelo Chetcuti, Segretarju Ġenerali tal-Malta FA, qal: “Huwa ta’ sodisfazzjon li qed inġeddu din il-kollaborazzjoni ma’ Assikura Insurance Brokers bħala sponsors tal-kompetizzjonijiet tal-futbol tan-nisa.

“Aħna nqisu kumpanniji bħal Assikura bħala msieħba importanti għall-Assoċjazzjoni għaliex l-appoġġ tagħhom jgħin mhux biss biex insostnu l-kompetizzjonijiet domestiċi iżda anke biex intejbu l-immaġni u l-profil tal-futbol tan-nisa fil-livell ta’ klabbs.

“Din is-sħubija tikkumplimenta l-isforzi kollettivi tal-Malta FA, klabbs, plejers, coaches u l-istakeholders kollha biex insaħħu l-iżvilupp tal-futbol tan-nisa, minn grassroots sal-livell tal-kbar.”

Andrew Grech, Managing Director ta’ Assikura Insurance Brokers PCC Ltd, esprima s-sodisfazzjon tal-kumpannija li se tibqa’ assoċjata mal-futbol tan-nisa.

“Meta nedejna din is-sħubija sentejn ilu, forsi kien hemm min kien sorpriż b’din id-deċiżjoni għaliex dakinhar Assikura saru l-ewwel sponsors esklussivi tal-kompetizzjonijiet tal-futbol tan-nisa,” qal is-sur Grech.

“Madankollu, mill-ewwel ġurnata, emminna fil-potenzjal tal-futbol tan-nisa u qisna din bħala opportunità biex nappoġġjaw dan il-moviment bħala parti mill-programm ta’ corporate social responsibility filwaqt li ntejbu l-brand tagħna fejn tidħol viżibbiltà u perċezzjonijiet pożittivi.

“Aħna nħarsu lejn dawn it-tip ta’ ftehim bħala relazzjoni reċiproka bbażata fuq rispett u volontà li niksbu riżultati pożittivi għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti, u konvinti li dawn l-objettivi qed jintlaħqu permezz ta’ din il-kollaborazzjoni.”

L-iskedi tal-fixtures tal-Assikura Women’s League u Assikura Women’s Youth League 2024-25 issa huma magħrufa wara t-tlugħ tal-poloz li saru waqt xandira diretta fuq TVM Sport+ ftit tal-jiem ilu.

Sport