Monday, November 4, 2024

Il-Malta FA u l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni jġeddu l-ftehim tagħhom rigward il-programm ‘Ballun’

Aqra wkoll

Il-Malta FA u l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni ġeddew il-ftehim tagħhom li jirrigwardja l-programm ‘Ballun’, li jikkonsisti f’sessjonijiet ta’ taħriġ u attività fiżika għall-persuni barranin fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u li jkunu fil-proċess li jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. 

Il-programm inbeda f’Ottubru tal-2021 u jinvolvi sessjonijiet ta’ taħriġ tal-futbol kull ġimgħa provduti minn coaches kwalifikati. Is-sessjonijiet qed isiru kull ġimgħa fiċ-ċentri ta’ detenzjoni stess.

Il-programm mhux biss huwa mezz ta’ rikreazzjoni għall-persuni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, iżda huwa wkoll opportunità sabiex dawn il-persuni jiksbu ħiliet fiżiċi u oħrajn bażiċi matul iż-żmien li jqattgħu fiċ-ċentru magħluq. Barra minn hekk, is-sessjonijiet huma metodu kif jinżamm rapport tajjeb bejn ir-residenti u l-uffiċjali tas-Servizz ta’ Detenzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni Kyle Mifsud spjega li minkejja li l-parteċipanti huma persuni li jkollhom il-libertà tagħhom ristretta, il-programm iservi sabiex iż-żmien li dawn il-persuni jqattgħu fiċ-ċentru ma jinħeliex.

Dr Angelo Chetcuti, f’isem il-Malta FA, qal li l-programm Ballun huwa wieħed min-numru ta’ proġetti ta’ inklużjoni li l-Malta FA tmexxi fil-qafas tagħha ta’ Football Social Responsibility, fi ħdan il-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol. Huwa tenna li l-futbol, bħall-isport kollu, huwa mezz li bih persuni minn kulturi differenti jistgħu xorta waħda jingħaqdu f’attività komuni.  Il-programm huwa kordinat minn Peter Busuttil, il-persuna responsabbli mill-FSR fi ħdan il-Fondazzjoni u l-Malta FA. 

Sport