Sunday, November 24, 2024

Il-Malta Fashion Week tirritorna b’ġimgħa sħiħa ta’ ċelebrazzjoni tal-moda

Aqra wkoll

Il-Malta Fashion Week ser tirritorna b’ġimgħa sħiħa ta’ ċelebrazzjoni tal-moda, inklużi l-Malta Fashion Awards li din is-sena jiċċelebraw il-25 sena mit-twaqqif tagħhom.

Il-Malta Fashion Week ser tittella’ bejn it-3 u s-7 ta’ Lulju li ġej u l-post magħżul għal din is-sena huwa l-Funtana ta’ Tritoni u l-Ġnien tal-Biskuttin.

Din l-informazzjoni tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Il-Ministru Owen Bonnici qal kemm il-kultura hi dinamika u taf toħloq diversi opportunitajiet li jkopru n-niċeċ kollha tal-ekonomija kreattiva. Tenna li dan l-avveniment isaħħaħ il-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna u li l-gvern hu determinat li flimkien mas-settur privat jagħti iktar pjattaformi għat-talent lokali. 

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-Malta Fashion Week saret attrazzjoni importanti fil-kalendarju kulturali lokali. “Nifhmu li l-eżiġenzi tat-turisti tal-lum il-ġurnata huma prinċipalment marbutin ma’ esperjenza turistika li tkun waħda ta’ kwalità u diversifikata. Għalhekk jeħtieġ li nkomplu ninċentivaw attivitajiet bħall-Malta Fashion Week, li fuq numru ta’ jiem toffri l-opportunità biex turisti b’imħabba lejn id-dinja tal-moda jaraw il-potenzjal tat-talent Malti f’dan is-settur,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

Dawk li ser jattendu l-Malta Fashion Week se jkunu jistgħu jesploraw kollezzjonijiet ġodda minn disinjaturi lokali stabbiliti u anke dawk ġodda, kif ukoll dawk internazzjonali. Fost il-pajjiżi barranin li ser jipparteċipaw insibu l-Italja, is-Serbja, l-Afrika ta’ Isfel, kif ukoll bħala ġest ta solidarjetà bħalma ġara s-sena l-oħra, l-Ukrajna ser tkun mistiedna speċjali. 

Nhar it-Tnejn 10 ta’ Lulju, ser jiġu ċċelebrati l-25 sena mit-twaqqif tal-Malta Fashion Awards permezz ta’ edizzjoni speċjali bil-Funtana ta’ Tritoni bħala l-isfond tal-palk fejn se jiġu ppremjati l-aqwa nies fis-settur tal-moda. Is-serata tibda minn ġewwa l-lukanda Phoenicia, permezz ta’ trażmissjoni tar-red carpet, u tkompli fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija biċ-ċelebrazzjoni tal-premjijiet. Din is-sena ser tkun kompletament differenti mis-snin ta’ qabel, għaliex din is-sena ser issir f’forma ta’ dokumentarju li ser iwassal l-istorja tal-moda lokali. It-titlu magħżul għal din is-sena huwa ‘The Untold Story’.

Sport