Il-Malta Food Agency nediet il-pubblikazzjoni: IL-Ħalib: Storja, Xjenza u Kultura, waqt attività li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tal-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fis-6 ta’ Ottubru 2025.
Il-ktieb, li jħares lejn il-vjaġġ storiku, xjentifiku u kulturali tal-ħalib f’pajjiżna, ġie ppreżentat uffiċjalment quddiem mistednin distinti, riċerkaturi u rappreżentanti mis-settur agrikolu u tal-ikel.
Fid-diskors tagħha, l-E.T. Myriam Spiteri Debono faħħret lill-Malta Food Agency u lit-tim tal-awturi għar-riċerka tagħhom, u saħqet li l-pubblikazzjoni tirrakkonta b’mod ħaj u sinifikanti l-wirt rikk ta’ pajjiżna u l-mod kif prodott sempliċi bħall-ħalib kien u għadu parti mill-identità tagħna.
Il-President esprimiet ukoll l-apprezzament tagħha lejn l-Aġenzija talli ddeċidiet li d-dħul kollu mill-bejgħ tal-ktieb imur b’risq il-Malta Community Chest Fund, li hija ddeskriviet bħala ġest ta’ solidarjetà li jgħaqqad l-għarfien u l-kultura mal-għajnuna lejn dawk fil-bżonn
Waqt id-diskors tiegħu, Brian Vella, Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, irringrazzja lil kull min ta sehmu fil-proġett, inklużi r-riċerkaturi, il-kontributuri u l-kollaboraturi. Huwa enfasizza l-importanza li nkomplu nħarsu l-wirt agrikolu ta’ pajjiżna, u qal:
Dan il-ktieb mhux biss rekord storiku, iżda wkoll ġieħ lil dawk in-nies u l-prattiki li bnew ir-relazzjoni tagħna mal-ikel. Billi naqsmu dawn l-istejjer, niżguraw li l-għarfien u l-valuri tal-passat jitwasslu minn ġenerazzjoni għal oħra.
Il-ktieb IL-Ħalib: Storja, Xjenza u Kultura jista’ jinxtrà mill-uffiċċju tal-Customer Care tal-Malta Food Agency, u l-qligħ kollu se jingħata lill-Malta Community Chest Fund.
Din il-pubblikazzjoni hija parti mill-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiċċelebra u tiddokumenta l-wirt agrikolu u kulinarju ta’ Malta, filwaqt li tippromwovi s-sostenibbiltà u l-apprezzament kulturali fis-settur tal-ikel.