Il-Malta Food Agency u Aquatic Resources Malta jiffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni biex isaħħu r-riċerka, l-edukazzjoni u l-prattiċi marbuta mar-riżorsi akwatiċi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency Brian Vella qal li permezz ta’ dan il-ftehim, l-Aġenzija se tkompli twettaq il-missjoni tagħha li tgħin lill-produtturi lokali, tippromwovi l-ikel Malti u toħloq aktar valur fil-katina tal-ikel.
Billi jingħaqdu l-kompetenzi taż-żewġ entitajiet jiġi żgurat li s-settur ikompli jikber b’mod infurmat u li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-konsumatur kif ukoll għal dawk kollha li jaħdmu fl-industrija. Filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Aquatic Resources Malta Frank Fabri tenna li Aquatic Resources Malta se tkun qiegħda tikkontribbwixxi għal għarfien speċjalizzat dwar ir-riżorsi akkwati nazzjonali, tipprovdi aċċess għall-faċilitajiet kif ukoll data speċifika u jappoġġjaw għall-iżvilupp ta’ inizzjattivi marbuta mal-ikel u s-sajd. Jisħaq ukoll li l-edukazzjoni dwar il-konsum għandu jissaħħaħ u l-kuxjenza dwar il-konsum favur il-protezzjoni u s-sostenibilità għandhom jiżdiedu.

Iż-żewġ entitajiet enfassizzaw ukoll li dan il-ftehim jiftaħ opportunitajiet ġodda internazzjonali ta’ kollaborazzjoni ma’ imsieħba Ewropej u Mediterranji fejn jippermettu lil Malta tpoġġi lilha nnifisha bħala ċ-ċentru għall-innovazzjoni tas-sajd u l-akwakultura.
Dan il-ftehim fejn iż-żewġ entitajiet se jaħdmu id f’id fuq inizzjattivi konġunti, se jġib miegħu iktar proġetti ta’ riċerka, kif ukoll seminars u workshops. Dan huwa pass importanti ieħor li għandu jkun ta’ benefiċċju kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll dawk futuri.