Bejn ilbieraħ u llum fix-Xewkija Għawdex qiegħed jitella’ l-Malta International Food Festival fejn għall-ewwel jum attendew mijiet ta’ persuni.
Kull min attenda lbieraħ seta’ jgawdi serata mill-aqwa kif ukoll ikel li kien ippreparat minn uħud mill-aqwa kċejjen tad-dinja li kollha kienu miġburin fil-Pjazza tax-Xewkija. Apparti ikel waqt il-festival wieħed seta’ jgawdi għażla kbira ta’ birer u inbejjed lokali.
Parti mill-pjazza nżammet apposta għat-tfal fejn fiha lbieraħ saru diversi logħob. Dan il-festival daħal b’mod regolari fil-kalendarju tal-attivitajiet f’Għawdex. Illejla jkun hemm it-tieni jum ta’ dan il-festival.