Saturday, December 21, 2024

Il-Malta Jazz Festival jiċċelebra t-30 Sena anniversarju!

Aqra wkoll

Festivals Malta, flimkien mal-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali niedew verżjoni alternattiva tal-Malta Jazz Festival. Bħala ċelebrazzjoni tat-30 Anniversarju, il-festival ser jinkludi programm online u spettaklu ta’ Jazz live ġo Misraħ il-Ħelsien u fit-taraġ biswit il-Parlament bit-titlu ta’ ‘The City Jazz Series’, bħala kontribut lejn il-Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Belt Valletta.

Il-Ministru Herrera saħaq li l-Malta Jazz Festival huwa wieħed mill-festivals ewlenin li daħal fil-kalendarju ta’ bosta, fejn anka din is-sena ser inkunu qiegħdin nintegraw it-talent lokali ma dak internazzjonali. “Huwa l-għan tagħna bħala Ministeru kif ukoll ta’ Festivals Malta li nkomplu nixprunaw is-settur kulturali ’l quddiem, dan filwaqt li nkomplu noffru produzzjonijiet ta’ kwalita’ lill-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll lit-tursti li qiegħdin iżuru pajjiżna.” Tenna l-Ministru José Herrera.

Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li “Għas-sena 2020 il-Malta Jazz Festival ser ikun qiegħed jiġi ppreżentat f’alternattiva fejn ħloqna sinerġija bejn l-elementi virtwali kif ukoll live. Sfortunatement, il-Covid-19 ħalliet effetti kbar fuq is-settur kulturali u permezz tal-Malta Jazz Festival – City Jazz Series, ser nagħtu kontribut lejn ir-riġenerazzjoni tal-Belt.”

Il-Malta Jazz Festival jibda nhar it-Tnejn 13 ta’ Lulju permezz ta’ esebizzjoni ġol-Lukanda Phoenicia. L-esebizzjoni msemmija ‘Notes from the Harbour’, ikkurata mill-fotografu Joe Smith, titfa dawl fuq l-istorja tal-Jazz Festival tul dawn l-aħħar 30 sena, billi tiċċelebra l-fotografi u l-artisti li rnexxilhom jirrappreżentaw l-aktar mumenti emozzjonanti ta’ dan il-festival. L-esebizzjoni, li hija aċċessibbli fl-interita’ tagħha fi spazju virtwali, ser tinkludi ritratti, memorabilja u oġġetti oħra ta’ valur minn edizzjonijiet passati li juru kif il-festival evolva tul is-snin. L-esebizzjoni virtwali ser tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku sal-aħħar ta’ Awwissu fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta. 

Din is-sena, il-masterclasses annwali ser jsiru permezz ta’ sessjonijiet diġitali u oħrajn live. Il-masterclasses ta’ Jonathan Kreisberg, David Prez u Kostas Anastasiadis ser jsiru online, filwaqt dawk ta’ Jeff Ballard, Vincent Bourgeyx u Hetty Kate ser jsiru live fil-Green Room tal-Pjazza Teatru Rjal u l-Lukanda Phoenicia. 

Il-programm online jiċċelebra l-patrimonju tal-Malta Jazz Festival, permezz ta’ filmati b’messaġġi speċjali għal din l-okkażjoni minn artisti lokali u barranin li tul dawn l-aħħar 30 sena għamlu parti mill-festival. Apparti minn hekk, ser jkun hemm stazzjon iddedikat għal xandir ta’ filmati rari mill-edizzjonijiet passati tal-Malta Jazz Festival. L-‘MJF Channel’ ser jkun qed juri filmati li jmorru lura sal-bidu tad-disgħinijiet, bi spettakli minn leġġendi li żaru l-ġżiritna biex ikunu parti minn dan il-festival tant prestiġġjuż. Ser jixxandru wkoll tlett filmati b’unur l-ewwel direttur artistiku tal-Jazz Festival, Charles ‘City’ Gatt, li huwa meqjuż bħala l-missier tal-mużika Jazz Maltija. Dawn il-filmati ser jiċċelebraw il-karriera mużikali ta’ Charles magħtul is-snin, kif ukoll il-kontribut tiegħu fil-Jazz Festival, hekk kif witta’ t-triq għall-ispettaklu kif nafuh llum. 

Peress li r-restrizzjonijiet fuq l-ajruporti ġew irrilaxxati, il-Malta Jazz Festival ser jilqa’ wkoll xi artisti internazzjonali li ser jagħmlu parti mis-‘City Jazz Series’, li tikkonsisti minn kunċerti ta’ nofsinhar u oħrajn serali li ser jittellaw f’Misraħ il-Ħelsien. 

Il-Malta Jazz Festival ser jiġi mtella’ online fuq il-Paġna ta’ Facebook tal-festival u fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta,  kif ukoll live ġewwa l-Belt Valletta; bejn it-13 u t-18 ta’ Lulju. Għal aktar informazzjoni żur www.festivals.mt/mjf

Ekonomija

Sport