Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kompla b’sensiela ta’ laqgħat ma’ msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra dwar il-Malta Labour Migration Policy. Filwaqt li enfasizza li hu kruċjali li l-Gvern se jkompli b’dan l-ispirtu tad-djalogu, saħaq bl-iktar mod ċar li din hi “bidla li trid issir għax hi parti mill-viżjoni tagħna li nżidu l-kwalità u fuq kollox nagħtu lill-Maltin u l-Għawdxin il-pajjiż li jixtiequ.”
Il-Ministru Camilleri enfasizza l-prinċipji ta’ din il-politika u qal li filwaqt li hu tajjeb li hawn qbil ġenerali dwarhom, wieħed irid isostnihom b’miżuri effettivi u li jagħmlu sens. “Qed nieħu pjaċir li hawn qbil ġenerali dwar il-bżonn ta’ din il-politika. Niltaqa’ ma’ min niltaqa’ kulħadd qed jaqbel mal-Gvern li din il-politika hi parti mit-trasformazzjoni lejn iktar kwalità li qed iħares lejha pajjiżna, liem trasformazzjoni hi possibbli biss għax fl-aħħar snin Malta kienet pajjiż b’saħħtu u se tibqa’ pajjiżna b’saħħtu kif ikkonferma l-Fond Monetarju Internazzjonali fl-aħħar sigħat,” qal il-Ministru Camilleri.
Fl-aħħar jiem il-Ministru Camilleri kompla jiltaqa’ ma’ diversi stakeholders fosthom anke ltaqa’ mal-Association of Catering Establishments, mal-Justice and Peace Commission u l-Association for Temping and Outsourcing Agencies.
Id-diskussjonijiet kienu kostruttivi ħafna fejn l-għan ewlieni ta’ dawk li poġġew mal-mejda kien kif nistgħu ntejbu u nirfinaw dak propost.
“Hawn kunsens dwar il-bżonn tal-bidla. Il-kif qed jiġi diskuss, iżda anke t-32 rakkomandazzjoni li għamel il-Gvern intlaqgħu tajjeb u d-diskussjoni hija iktar dwar kif naċċertaw li jkunu robusti biżżejjed ħalli x’ħin niġu għall-implimentazzjoni ma’ niltaqgħux ma’ ntoppi mhux mixtieqa,” żied il-Ministru Camilleri.
Hu saħaq li l-messaġġ tal-Gvern il-ħin kollu hu li fejn jidħlu ħaddiema minn pajjiżi terzi il-Gvern se jassigura kontroll b’saħħtu biex jekk jiġu, jiġu biss fejn hemm bżonn u hekk ikunu kkontrollati wkoll in-numri. Sostna wkoll li min iġib ħaddiema ġodda irid iħallas iktar, għax l-għan tal-Gvern hu li ninċentivaw l-investiment fil-ħaddiema li diġà għandna hawn u l-produttività tagħhom.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sad-9 ta’ Frar u kull min jixtieq jgħid tiegħu jista’ jagħmel dan fuq publicconsultation.gov.mt