Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Gvern jinsab impenjat biex jimbotta lil pajjiżna lejn turiżmu ta’ kwalità. Fi żjara li għamel f’The Westin Dragonara Resort f’San Ġiljan, Dr Abela ra l-investiment ta’ €50 miljun li sar riċentament f’din il-lukanda ewlenija f’pajjiżna.
Akkumpanjat mit-tmexxija ta’ The Westin Dragonara Resort, il-Prim Ministru ġie spjegat ix-xogħol li sar biex din il-lukanda kompliet ittejjeb il-kwalità tal-prodott u servizz li toffri lill-klijenti tagħha. Il-General Manager tar-Resort Michael Camilleri Kamsky fisser lill-Prim Ministru l-investiment kontinwu u l-inizjattivi sostenibbli li qed isiru, fost l-oħrajn b’sistema ta’ reverse osmosis li tipproduċi l-provista tal-ilma kollha meħtieġa għal-lukanda, u tagħmir energy-efficient biex tonqos id-dipendenza fuq il-fjuwils li jniġġsu l-arja.
Dr Abela nnota li dan l-investiment huwa konformi mal-viżjoni tal-Gvern, li jaħdem f’sinerġija mas-settur privat li qal jagħtu kontribut kbir lill-pajjiż f’termini ekonomiċi lejn iktar kwalità. Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ bosta ħaddiema, li b’dedikazzjoni lejn il-klijenti tagħhom, qed iwasslu l-aqwa li għandu x’joffri pajjiżna. Qal li l-Gvern għażel li jippremja lill-ħaddiema bieżlin bl-akbar tax cut fl-istorja, u fakkar kif b’din il-miżura, mal-€140 miljun se jibqgħu fil-bwiet tal-familji għax kull ħaddiem mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €1,000 li jaqla’ fil-paga. Qal li minbarra li se jgawdu l-familji, se jkunu qed igawdu wkoll in-negozji għax il-ħaddiema se jkunu iktar produttivi.
Il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista kapaċi joħloq il-ġid u jindirizza l-isfidi, fosthom bil-Malta Labour Migration Policy. Fakkar kif qabel l-2013, il-qgħad kien problema ewlenija, b’iktar minn 7,000 persuna jfittxu x-xogħol. Spjega kif Gvern Laburista ħoloq l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, b’ekonomija li trendi, tant li l-pajjiż għandu ħafna xogħol. Spjega kif is-soluzzjoni mhix li nreġġgħu lura l-arloġġ li jitnaqqsu l-postijiet tax-xogħol jew tiċkien l-ekonomija, għax inkella jkun hawn konsegwenzi fuq id-dħul u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Qal li ċ-ċirkustanzi attwali wasslu biex ikun hawn iktar kontrolli mill-awtoritajiet fuq il-ħaddiema barranin li jiġu jaħdmu f’pajjiżna.
Dr Abela sostna li llum għalqet il-konsultazzjoni pubblika dwar din il-policy u r-rispons kien pożittiv ħafna, b’aktar minn 300 sottomissjoni jaslu għand il-Gvern dwar kif iridu li jiġu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi f’pajjiżna. Qal li din il-politika, l-ewwel tax-xorta tagħha, se tindirizza d-dinjità tal-ħaddiema għax il-Gvern, bi prinċipji soċjalisti, irid jiżgura li kull ħaddiem Malti jew barrani jkun trattat b’kundizzjonijiet xierqa.
Fakkar kif din il-politika se tara li jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin, li s-suq tax-xogħol ikun moqdi mingħajr il-bżonn ta’ iktar ħaddiema milli meħtieġ u li min iħaddem ikollu biżżejjed ħaddiema u jibża’ għalihom. Il-Prim Ministru qal li wara li ntemm il-proċess ta’ konsultazzjoni, se tidħol fis-seħħ it-tieni fażi tal-Malta Labour Migration Policy, li se tara li dak propost jiġi mplimentat.